Żewġ ħaddiema tal-kumpanija Vernon, li topera miż-Żona Industrijali tal-Imrieħel, kif ukoll erba’ uffiċjali tal-Hazmat Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ittieħdu għall-kura wara li belgħu duħħan perikoluż ħafna, magħruf bħala Phosgene.
Jirriżulta li f’tank barra maħżen tal-kumpanija kien hemm erba’ pakketti użati ta’ Magnesium Sulphide li kien għad fadlilhom xi materjal fihom.
Bis-sħana, dawn il-pakketti ħadu n-nar u mit-tank dehret ħierġa daħna. Kien għalhekk li l-ħaddiema tal-kumpanija tefgħu l-ilma bl-għan li jikkontrollaw in-nar. Madankollu jidher li l-ilma kkawża reazzjoni kimika li pproduċiet gass tossiku u perikoluz ħafna, kif jispjega Albert Tabone, il-Kap tal-Hazman Unit.
Il-kundizzjoni tal-ħaddiema għad mhix magħrufa, għalkemm jidher li l-ħaddiem tal-Hazmat Unit ittieħed l-isptar biex ikun żgurat li ma kienx f’periklu. Għal xi ħin it-triq kienet magħluqa għat-traffiku biex tkun faċilitata l-ħidma tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Minn naħa tagħhom l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili żguraw li ma kienx għad fadal periklu biex il-ħaddiema tal-kumpanija Vernon jkomplu b’xogħolhom, filwaqt li l-materjal li qabad inżamm b’mod sigur sakemm tittieħed deċiżjoni dwar kif għandu jintrema’.
//= $special ?>


