Lokali

FILMAT : Mijiet ta’ persuni evakwati minħabba nirien f’ristorant f’Tas-Sliema

L-uffiċċji tal-iskola tal-Ingliż f’Tas-Sliema, Inlingua, kif ukoll il-kumpless Plaza u l-ħwienet tal-madwar kellhom jiġu evakwati wara li ristorant li jinsab fl-istess blokka żviluppawlu xi nirien.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-3.40pm fir-ristorant Dee Goose, fi Triq Ġużè Fava.

Jidher li n-nar żviluppa fil-bitħa tar-ristorant, li f’dak il-ħin kien magħluq. Kienu l-ġirien stess li hekk kif innutaw in-nirien, u d-duħħan beda dieħel fl-uffiċċji, ċemplu lil sid ir-ristorant.

Kien Pulizija tat-traffiku li flimkien mas-sid wasal l-ewwel fil-post u ppruvaw jitfu n-nirien permezz ta’ fire extinguisher sakemm aktar tard fuq il-post waslu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

L-inċident wassal biex għal xi ħin TriqBisazza f’Tas-Sliema kienet karatterizzata minn folla ħaddiema, studenti u turisti jistennew fuq barra sakemm in-nar kien ikkontrollat u l-istabbilimenti tal-madwar ġew spezzjonati biex ikun żgurat li ż-żona hi sigura.