Internazzjonali

FRANZA: Arrestat wara każ ta’ krudeltà fuq kelb

Hemm rabja kbira għal każ ta’ krudeltà fuq fuq kelb fi Franza

F’dan il-każ instabet kelba (tar-razza mastiff) trawmatizzata wara li kienet intradmet sa għonqha fit-trab ġo zona riservata għall-iskart fl-inħawi ta’ Carrieres-sur-Seine, lejn il-Punent ta’ Pariġi. Kien proprju raġel li ħareġ għal passiġġata mal-kelba tiegħu li lemaħ il-povru annimal u fejn kien pront isalvah bl-għajnuna tas-servizzi tal-emerġenza li ssejħu fuq il-post.

Il-pulizja aktar tard ikkonfermaw li s-sid tal-kelba kien qed jinżamm taħt arrest u li hu qed jgħid li l-kelba ‘kienet ħarbitlu’.

Ir-raġel li sab il-kelba qal li hi kienet f’kundizzjoni ‘terribbli’ u bagħat ir-ritratti tagħha fuq Facebook. Il-kelba nstabet b’ħabel marbut ma’ għonqha u li kien imwaħħal ma’ xkora mimli bix-xaħx fl-inħawi. Intant, il-kelba bl-ebda mod ma setgħet teħles lilha nnfisha u nstabet qed tbati minn xokk kbir, flimkien mal-effetti tat- trawma u dehydration.

Il-kelba ttieħdet għall-kura għand veterinarju, bil-pulizija ma jitilfux żmien biex isibu u jarrestaw lil sidha, raġel ta’ 21 sena, li ċaħad li kien ‘difen il-kelba tiegħu’. Jidher, iżda, li l-awtoritajiet m’humiex jemmnu lir-raġel li qed jinsisti li l-kelba kienet ħarbitlu. Dan għaliex diffiċli biex wieħed jimmaġina din is-sitwazzjoni peress li l-kelba inkwistjoni għandha talanqas għaxar snin u qed tbati mill-artrite.

Mistenni li sid il-kelba, ‘il quddiem, ikun jitressaq il-qorti għal aġir krudili fil-konfront ta’ annimal u jista’ jintbagħat il-ħabs għal sentejn. Dan filwaqt li t-tali jkun imġiegħel iħallas multa ekwivalenti għal 20,000 ewro jew aktar.