Wara li dalgħodu ħarġet l-istorja fil-gazzetti dwar l-għoti tal-parole lil Godwin Scerri mill-Bord tal-Parole, il-Ministeru tal-Intern kjarifika illi din id-deċiżjoni ittieħdet b’mod kompletament awtonomu. Fil-prattika, id-deċiżjoni tal-parole tfisser li Scerri se jinħareġ mill-ħabs qabel jiskonta s-sentenza sħiħa li kellu. Jirriżulta li Scerri ingħata l-parole b’numru ta’ kundizzjonijiet.
Il-Gvern qal illi dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr ebda forma ta’ konsultazzjoni mal-Gvern, kif iddettat mil-liġi. Il-Gvern preċiża illi lanqas ma għandu aċċess għar-rapporti ppreparati mill-Bord tal-Parole u li abbażi tagħhom tittieħed id-deċiżjoni.
“Filwaqt li nirrispettaw l-indipendenza tal-Parole Board, id-deċiżjoni f’dan il-każ partikolari ma tirriflettix il-fehma tal-Gvern”, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Ministeru tal-Intern.
Godwin Scerri, li għal snin twal kien membru ta’ ordni reliġjuża, kien ikkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li ikkorrompa minorenni f’zewġ każijiet. Flimkien miegħu kien ġie ikkundannat Fr Carmelo Pulis.
Sadatant, b’referenza għal dawn ir-rapporti fil-midja, il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u Adulti Vulnerabbli fi stqarrija iċċarat li deċizjonijiet dwar priġunieri li jingħataw il-parole jittieħdu mill-Bord tal-Parole.
Il-Kurja qalet li d-deċizjoni meħuda mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi f’Ottubru 2011, u li
permezz tagħha Godwin Scerri tneħħa mill-istat klerikali, tibqa’ fis-seħħ.

