Lokali

Ħarsa lejn il-ġurnali tal-lum

L-ewwel faċċati tal-gazzetti tal-lum huma dominati mill-qtugħ fil-provvista tel-elettriku f’partijiet sostanzjali ta’ Malta ilbieraħ waranofsinhar.

IN-NAZZJON jirrapporta dwar il-qtugħ ta’ dawl f’artiklu bit-titlu “Erġajna… Parti kbira ta’ Malta bla dawl”. Storja oħra fl-ewwel faċċata tal-ġurnal hi dwar il-ħasil tal-flus f’Malta li fiha jkun żvelat li l-Uniq Group, li jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjonijiet, ingħata l-liċenzja ftit wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-2013.

TIMES OF MALTA ukoll jirrapporta dwar il-qtugħ tal-provvista tal-elettriku u jikkwota stqarrija tal-Gvern li tgħid li l-qtugħ kien kawżat minn ħsara fin-naħa Taljana tal-interconnector. Storja oħra fl-ewwel faċċata tgħid li nfetħu l-bibien għal ruxxmata ta’ ilmenti dwar inġustizzji fl-Armata, b’uħud minnhom imorru lura sas-snin 50.

THE MALTA INDEPENDENT, minbarra r-rapport dwar il-qtugħ tas-servizz tal-elettriku, jirrapporta wkoll dwar il-pjani tal-Air Malta biex tikkompeti direttament mal-linji tal-ajru low cost. Storja oħra hi dwar l-Islamic Call Society li talbet l-għajnuna tal-Gvern sabiex tinsab art għal skola u moskea ġdida.

L-ORIZZONT jirrapporta wkoll dwar il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku bit-titlu “Ħsarat Sqallin ‘jitfu’ lil Malta”. Fl-ewwel faċċata hemm ukoll storja dwar kif l-eks patri Godwin Scerri, li f’Novembru tal-2012 beda jiskonta sentenza ta’ 5 snin ħabs dwar abbużi sesswali f’Dar San Ġużepp, illum se jinħeles fuq ‘parole’ taħt numru ta’ kundizzjonijiet.