L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) sejħet għal iktar konsultazzjoni u proċeduri ċari dwar kif għandhom jiġu implimentati ċertu miżuri li jkunu tħabbru fil-Baġit. Fi stqarrija l-MEA qalet li min iħaddem qed ikun frustrat b’dawn il-miżuri li jitħabbru u jinbdew mingħajr ma tkun ingħatat attenzjoni għall-bidliet meħtieġa biex jiġu mplimentati.
Eżempju minnhom huma r-regolamenti dwar l-impjiegi ta’ persuni b’diżabilita’ li huma miżgħuda b’loopholes legali li jagħmluha kważi impossibbli biex iżżomm magħhom.
Eżempju ieħor, kompliet l-MEA, hu t-tħabbir tal-fond tal-leave tal-maternita’. Filwaqt li ħafna employers jaqblu mal-prinċipju ta’ dan il-fond, hu ma jistgħux jagħmlu l-bidliet meħtieġa biex isiru l-ewwel pagamenti f’Awwissu, b’ħafna kumpaniji għandhom bżonn mill-inqas xahar ieħor biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa fis-software.
L-MEA qalet li dawn il-problemi kollha setgħu ġew evitati kieku kien hemm konsultazzjoni adegwata mal-għaqdiet ta’ min iħaddem qabel dawn il-miżuri jkunu mħabbra. L-Assoċjazzjoni tittama li t-taħdidiet ta’ qabel il-Baġit fl-MCESD isiru fi żmien tajjeb sabiex ikun hemm implimentazzjoni bla skossi.
//= $special ?>

