Lokali

Il-Gvern ma jistax jinjora d-deterjorazzjoni fl-isptar Mater Dei – il-PN

Fi stqarrija permezz tax-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li hu ta’ tħassib kif l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-isptar Mater Dei ammetta li l-isptar nazzjonali ta’ pajjiżna qatt ma kien fi stat daqstant diżastruż.

Fil-kummenti tiegħu lill-ġurnal Times of Malta, Dr. Zarb Adami ammetta li għall-ewwel darba mill-kriżi tal-Libja fl-2011, il-management spiċċa kellu jieħu deċiżjoni li juża d-‘day surgery recovery area’ biex jieħu ħsieb pazjenti b’kundizzjonijiet mediċi u mard li jittieħed differenti. Sal-lum, din iż-zona kienet maqtugħha u limitata biss għal numru ta’ staff.

Fl-istqarrija tagħha, l-Oppożizzjoni qalet li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu minn membri tal-management, appuntati mill-Gvern Laburista, qed jaffettaw ħażin is-servizz li jingħataw il-pazjenti apparti li qed joħolqu tensjoni fuq l-impjegati tal-isptar.

L-Oppożizzjoni qalet li l-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ma jistgħux jibqgħu jinjoraw il-mod kif l-isptar nazzjonali ta’ Malta qed jiddeterjora. Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg temmet tgħid fl-istqarrija li l-pazjenti, il-familji tagħhom u l-istaff professjonali tal-isptar ħaqqhom risposti onesti għall-mistoqsijiet – u mhux retorika biss.