Ambjent Lokali

Il-pubbliku avżat biex ma jsirx għawm f’zona f’Baħar iċ-Ċagħaq minħabba drenaġġ

Iż-zona ta’ fejn hemm id-Dog Friendly Beach f’Baħar iċ-Ċagħaq għadha mhijiex rakkomandata għall-għawm minabba żbroff ta’ drenaġġ li seħħ fl-aħħar jiem.

Fi stqarrija, d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali qal li l-pubbliku qed jiġi mitlub josserva din l-istruzzjoni sakemm tinħareġ struzzjoni mod ieħor.

Intant, id-Direttorat qal ukoll li wara li ttieħdu l-passi neċessarji sabiex tissewwa l-ħsara fid-drenaġġ, u wara li ttieħdu diversi kampjuni tal-ilma baħar tul dawn l-aħħar jiem, iż-zona ta’ Triq Dawret it-Tunnara faċċata ta’ Triq it-Trill, żona aktar magħrufa bħala Tas-Sorijiet fil-Mellieħa, hija tajba għall-għawm u għalhekk l-avviż kontra l-għawm f’din iż-żona qed jiġi rtirat.

Fis-sigħat li ġejjin, ħaddiema mid-Direttorat se jkunu qegħdin ineħħu t-tabbelli li twaħħlu fl-aħħar jiem f’din iż-żona.