Talanqas 19 il-tfajla spiċċaw maqtula taħt idejn il-membri tal-ISIS wara li rrifjutaw li jkollhom relazzjonijiet sesswali mal-ġellieda ta’ dan il-grupp.
Uffiċjali tal-Kurdi qalu li n-nisa maqtula kienu qed jinżammu ostaġġi fil-belt Iraqqija ta’ Mosul li ilha sservi bħala fortizza tal-ISIS minn Ġunju tal-2014.
Sadanittant, rappreżentanta tan-Nazzjonijiet Uniti li qed tinvestiga lill-ISIS dwar kummerċ rampanti bis-skjavi sesswali kellha dawn il-kummenti: ‘It-tfajliet (taħt idejn l-ISIS) qed jinbiegħu qishom xi barmil petrol, bi tfajla partikolari tista’ tinxtara minn sitt irġiel differenti’.
Din ir-rappreżentanta anki vverifikat dokument tal-ISIS li jissuġġerixxi li l-ġellieda tal-ISIS qed ibiegħu lin-nisa Kristjani u Yazidi, flimkien mat-tfal li jinqabdu. Ingħad li l-bniet ta’ disa’ snin u anqas jinbiegħu għall-akbar ammonti ta’ flus.
Fl-aħħar xhur, numru ta’ tfajliet li rnexxielhom jaħarbu lill-ISIS qalu li kienu sfurzati jiżżewwġu lill-ġellieda fanatiċi tal-grupp li abbużawhom fiżikament u sesswalment.
Intant, mhux ċar jekk it-tfajliet li messhom id-destin kiefer talli rrifjutaw lill-ISIS humiex Yazidi jew ta’ xi komunità oħra.
//= $special ?>