Wara l-inċident li fih kien involut il-Katamaran tal-Virtu Ferries MV Jean de la Vallette f’Pozzallo, aktar minn tletin karozza nqabdu fi Sqallija u ma jistgħux jirritornaw lura Malta minħabba li bħalissa l-kumpanija qed iġġorr biss passiġġieri. Il-kumpanija qed tagħti rifużjoni lil klijenti li xtraw biljetti biex jaqsmu bil-karozza lejn Sqallija.
Kien kmieni l-Ħamis filgħodu meta l-katamaran tal-Virtu Ferries ħabat ma’ parti mill-moll meta kien qiegħed jittrakka f’Pozzallo fi Sqallija.
Passiġġieri li kienu abbord, u li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru li l-vjaġġ kien dak skedat ta’ filgħodu bejn il-Port il-Kbir ta’ Malta u l-port ta’ Pozzallo u l-vjaġġ kien wieħed normali. Iżda f’mument minnhom meta l-katamaran kien qiegħed jorbot mal-moll biex jibda jniżżel il-vetturi u l-passiġġieri, xi ħaġa marret ħażin u sezzjoni mill-parti ta’ quddiem tiegħu kellha impatt mal-moll bir-riżultat li l-istess katamaran ġarrab ħsarat estensivi.
Nifhmu li wara li l-passiġġieri abbord u l-karozzi kollha tniżżlu l-art, fuq il-katamaran ittellgħu surveyors biex janalizzaw il-ħsarat li kien ġarrab il-bastiment MV Jean de la Vallette. Fil-fatt instab li l-ħsarat kienu estensivi tant li l-katamaran ma setax ibaħħar lura bil-passiġġieri u l-karozzi u dan minħabba miżuri ta’ sigurtà.
Immedjatament il-kumpanija Virtu Ferries ikkummissjonat persuni tekniċi biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq il-katamaran ħalli dan jissewwa u jkun jista’ jerġa’ jidħol fl-iskeda tat-tbaħħir bejn Malta u Pozzallo. Jidher li t-tiswijiet mistennija jieħdu madwar ġimgħa.
Sadanittant il-kumpanija infurmat ukoll lill-klijenti tagħha li minħabba dan l-inċident, il-katamaran kien se jkollu jagħmel numru ta’ ġranet wieqaf fil-port ta’ Pozzallo sakemm jissewwew il-ħsarat kollha.
Minnufih il-kumpanija għamlet l-arranġamenti kollha meħtieġa biex fl-iskeda jiddaħħal minnufih il-katamaran MV San Ġwann biex hekk il-passiġġieri la jinqabdu fil-Port ta’ Malta u lanqas f’dak ta’ Pozzallo.
Fil-fatt il-kumpanija fi stqarrija għall-istampa fissret li kienet qed taħdem b’tibdil fl-iskeda tal-vjaġġi bejn Malta u Pozzallo wara li l-MV Jean de la Vallette laqat il-moll f’Pozzallo u ma baqax fis-servizz. Virtu Ferries qalet li l-MV San Ġwann se jissostitwixxi lill-MV Jean de la Vallette iżda sakemm isiru x-xogħlijiet meħtieġa, is-servizz se jkun għall-passiġġieri biss. Dan minkejja li l-MV San Ġwann jittrasporta wkoll vetturi.
//= $special ?>

