Kultura Lokali

Nhar il-Ħadd issir it-32 edizzjoni ta’ Lejla Mġarrija

Is-Sajf dieħel sew u għalhekk fl-Imġarr għaddejjin il-preparamenti biex nhar il-Ħadd 9 ta’ Awwissu mis-7p.m. ’il quddiem issir it-32 edizzjoni  ta’ Lejla Mġarrija fil-pjazza tal-Imġarr.

Dawra ma’ diversi toroq tal-Imġarr tieħdok lura maż-żmien fejn wieħed ikun jista’ jara diversi karozzi antiki, għodda tar-raba` u muturi tal-ħart, irkabtu tas-sajd, logħob u ġugarelli antiki. F’din il-ġurnata l-pjazza se tkun mżejna b’ħafna arranġamenti ta’ fjuri friski u dekorazzjonijiet għall-okkażjoni.

Se ssir wirja mill-isbaħ ta’ frott u l-ħaxix frisk imkabbrin mill-bdiewa tal-Imġarr kif ukoll se jkun hemm stands b’informazzjoni dwar il-biedja lokali u anke bejgħ ta’ ħaxix frisk. Għall-ewwel darba se issir esebizzjoni tal-ilbiesi tal-magħmudija meħjutin jew irrakkmati minn ħajjata Mġarrin.

Wieħed mill-għanijiet ta’ ‘Lejla Mġarrija’ minn dejjem kien li tmexxi ’l quddiem it-talent Imġarri u għaldaqstant  se jintrama palk kbir fuq iz-zuntier. Fuqu jsir spettaklu ta’ talent lokali, bħal kant, reċtar, żfin tradizzjonali u kostumi tipiċi Maltin. In-naħa t’isfel fejn is-salib tal-knisja se jkun hemm palk ieħor bi programm varjat.

Il-fondi li jinġabru mill-attività ta’ Lejla Mġarrija jintużaw għall-għan ewlieni li l-Kummissjoni taħdem għalih jiġifieri t-tkomplija tal-bini tas-sagristija tal-Knisja Parrokkjali Santa Marija tal-Imġarr.

Żgur li f’lejla bħal din jinżillek għasel xi platt b’ikel mill-kċina Mġarrija u għalhekk fuq iz-zuntier se tkun qed tiġi organizzata ikla b’ikel tradizzjonali, li flimkien ma’ xi tazza nbid u żewġ kannoli iħallulek togħma tajba ta’ dan ir-raħal żgħir imma b’qalb kbira!

In-numri tat-trasport pubbliku għall-Imġarr huma 44,38 u 225. Għal iżjed dettalji wieħed għandu jikkuntattja lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr fuq 21520011, 79289301, mgarr.lc@gov.mt jew jidħol fuq il-paġna tal-Facebook fuq www.facebook.com/LejlaMgarrija