Internazzjonali

Rabja għall-inkjesta fil-każ tal-Malaysian Airlines

Il-qraba tan-nies li għebu waqt Titjira MH370 tal-Malaysia Airlines sfugaw ir-rabja tagħhom ‘għas-sinjali mħalltin’ li qed joħorġu mill-investigazzjoni dwar l-ajruplan li, f’Marzu tal-2014, kien intilef waqt titjira mill-Malasja għaċ-Ċina.
Jidher li s-sinjali qed joħolqu konfużjoni dwar ‘jekk instabitx tassew parti ġenwina tal-ajruplan’, fost l-għadab sussegwenti.
Il-Prim Ministru tal-Malasja, Najib Razak, qal li l-esperti fi Franza ‘kkonfermaw b’mod konklussiv’ li l-parti tal-ġewnaħ li nstabet, jiem ilu, fuq gżira tal-Oċean Indjan kienet ġejja mill-ajruplan, tat-tip Boeing 777, li kien qed jagħmel il-vjaġġ fatali minn Kuala Lumpur għal Beijing.
Madankollu, l-investigaturi Franċiżi ma kkonfermawx din il-konnessjoni u rreferew biss għal ‘probabbiltà kbira’.
Fl-aħħar sigħat, il-qraba Ċiniżi ta’ wħud mill-passiġġieri mitlufa pprotestaw barra l-uffiċini tal-Malaysia Airlines f’Beijing u fejn insistew ‘għat-tweġibiet konkreti’.
Il-parti tal-ġewnaħ ta’ ajruplan li nstabet, ġimgħa ilu, fuq il-gżira Franċiża ta’ Reunion hi magħrufa bħala ‘flaperon’ u ssemmiet bħala ‘l-ewwel traċċi potenzjali tal-MH370’.
Sadanittant, esperti fil-belt Franċiża ta’ Toulouse, ilbieraħ, reġgħu bdew it-testijiet fuq l-oġġett inkwistjoni.
Fi żvilupp ieħor, il-Ministru tat-Trasport Malasjan, Liow Tiong Lai, qal li nstabu aktar debris fuq Reunion li jaħsbu setgħu kienu ġejjin mill-ajruplan inkwistjoni. Fost il-materjal li nstab issemmew ‘il-biċċiet tat-twieqi’ u ‘l-cushions tas-sedili’.
Liow Tiong Lai qal li l-oġġetti ntbagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi għall-verifikazzjoni, iżda numru ta’ investigaturi Franċiżi aktar tard kienu kkwotati fis-sens li ‘ma rċevew l-ebda partijiet ġodda’.
In-nuqqas ta’ qbil waqt dawn l-iżviluppi kompla jżid ir-rabja tal-familji tal-passiġġieri li ma dehrux aktar minn dakinhar tat-titjira fatali tal-Malaysia Airlines li seħħet fit-8 ta’ Marzu tal-2014.
Dan meta ħafna qraba tal-passiġġieri Ċiniżi fuq Titjira MH370 ikkuntestaw kemm il-darba l-fehma uffiċjali li l-Boeing 777 inkwistjoni kien iġġarraf waqt il-vjaġġ lejn Beijing.