L-involviment tal-esperti ambjentali fil-proċess ta’ ippjanar se jonqos u ma jidhru ebda salvagwardji ambjentali oħrajn flokhom. Dan hekk kif illum għalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar il-liġijiet li l-Gvern irid jgħaddi fil-Parlament dwar il-qasma fil-MEPA.
Fi stqarrija, l-għaqda Din l-Art Ħelwa qalet issa se jkun iktar faċli biex isir bini fuq zoni ta’ sensittivita’ ambjentali u iktar faċli li żvilupp illegali jiġi sanzjonat. L-uniċi nies li se jkunu kuntenti b’din il-qasma huma l-ispekulaturi għaliex kulħadd, inkluż żviluppaturi tal-affari tagħhom, jispiċċaw minn taħt meta l-kampanja Maltija u l-ambjent urban ikunu rovinati.
Din l-Art Ħelwa qalet li l-użu tal-art hu wieħed mill-ikbar fatturi li jpoġġu pressjoni fuq l-ambjent Malti u għaldaqstant, l-ambjent u l-ippjanar għandhom ikunu trattati flimkien. L-Għaqda tkompli li l-Awtorita’ l-ġdida tal-Ippjanar donnha qed tneħħi kull forma ta’ responsabbilta’ ambjentali. Iżda deċiżjonijiet tal-ippjanar huma wkoll deċiżjonijiet ambjentali.
Din l-Art Ħelwa talbet ukoll sabiex tippreżenta l-pożizzjoni tagħha direttament lill-Membri Parlamentari fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet meta l-Parlament jerġa’ jiftaħ wara l-vakanzi tas-sajf.
Ritratt: Arkivji
//= $special ?>

