Lokali

“Tal-mistħija kif membri tal-RIU qed imorru għax-xogħol b’qliezet imqattgħin” – l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija

Membri tal-RIU spiċċaw jixtru parti mill-uniformi bi spejjeż tagħhom

“Huwa tal-mistħija kif membri tal-RIU li huma fuq patrol qedgħin jirrapurtaw għax-xoghol bi qliezet imqattgħin u kienu biss 32 membru tal-RIU li ngħataw qalziet tas-servizz ieħor.”

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija qalet li t-tfakkar li fis-sezzjoni ‘Rapid Intervention Unit’ ma jeżistux biss il-membri li jiffurmaw l-iSWAT team, li jammonta għal 32 persuna, iżda hemm 110 membru ieħor li ma ngħatawx qalziet tas-servizz ieħor bħal ma ngħataw it-32 membru tal-iSWAT team.

L-Assoċjazzjoni qalet li għandha ritratt li jissostanzjaw dak li qed tgħid u li dan żgur mhuwiex nuqqas tal-membri nfushom peress li dawn ingħataw biss qalziet wieħed f’sentejn li ilha mwaqqfa l-iskwadra. Fl-istqarrija tagħha, l-MPA qalet li ma jitwemminx kif ħafna mill-membri spiċċaw xtraw qliezet tal-uniformi bi spejjeż tagħhom.

L-Assoċjazzjoni qalet li dan l-ilment tressaq diversi drabi iżda s’issa dejjem waqa’ fuq widnejn torox u kien għal din ir-raġuni li l-Assoċjazzjoni kellha tirrikorri għand il-media biex twassal il-messaġġ tagħha.

“Tal-mistħija li għad fadal għasses mingħajr arja kkundizzjonata

Fl-istqarrija tagħha l-Assoċjazzjoni saħqet ukoll li hu tal-mistħija li għad fadal uffiċini u għasses li għadhom ma ġewx mgħammra bl-arja kkundizzjonata, xi ħaġa bażika li sfortunatament hi meqjusa bħala lussu fil-Korp tal-Pulizija.

L-Assoċjazzjoni qalet li kellha diversi laqgħat mal-Ministru tal-Intern Carmelo Abela dwar il-fixedpoints tal-Pulizija madwar Malta, fejn matul dawn il-laqgħat, l-Assoċjazzjoni ilmentat li l-Pulizija f’dawn il-fixedpoints qed iqattgħu ħinijiet twal esposti għax-xemx.

Dwar dan, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija qalet li fil-fixedpoints għandu jkun hemm ‘sentry boxes’ mgħammra bl-arja kkundizzjonata bħal ma hemm mar-residenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Intant, l-Assoċjazzjoni qalet li hu ta’ dispjaċir li survey li sar minn ġurnal online juri li 70% ta’ min ipparteċipa m’għandhomx fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Għal din ir-raġuni, l-Assoċjazzjoni qalet li dawn in-nuqqasijiet kollha għandhom jiġu indirizzati biex eventwalment togħla l-fiduċja fil-Korp.