Lokali

Tħassib dwar kemm iż-żieda fil-kummerċ qed tilħaq lil kulħadd

Filwaqt li tilqa’ż-żieda fil-bejgħ f’Ġunju li għadda kif imfissra miċ-ċifri tal-Eurostat, l-Oppożizzjoni tistaqsi jekk dan it-tkabbir hux qed jilħaq il-bejjiegħa kollha.
Fi stqarrija, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u shadow minister għall-finanzi Mario de Marco qal li l-figuri jindikaw li ċertu setturi qed jaraw żieda iżda oħrajn qed jirreġistraw tnaqqis. Fost dawn hemm il-bejgħ tal-ikel u x-xorb li niżel b’0.8% filwaqt li l-bejgħ ta’ prodotti mhux tal-ikel kellu żieda ta’ 0.9%.
L-Oppożizzjoni hi konxja tal-fatt li numru ta’ ċentri kummerċjali madwar Malta fosthom fil-Ħamrun, fil-Mosta, f’Raħal Ġdid u f’Birkirkara qed ibatu. Dawn iċ-ċentri kummerċjali huma parti essenzjali tal-komunita’ u għandu jsir kull sforz mill-Gvern biex dawn iċ-ċentri jibqgħu kompetittivi.
L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex jaħdem flimkien mal-kunsilli lokali, l-għaqdiet li jirreappreżentaw il-kummerċ u s-sidien tal-ħwienet sabiex jidentifikaw mezzi ta’ kif isaħħu l-kummerċ f’dawn l-inħawi.