Il-Ħarsien ambjentali m’hu se jiggwadanja xejn mill-qasma tal-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Minflok, se jkun iktar faċli li jsir żvilupp fuq art ODZ, se tonqos it-trasparenza u se tiżdied is-setgħa tal-ministru għas-spejjeż tal-awtonomija tal-awtorita’.
Dan hu l-qofol tar-reazzjoni uffiċċjali tal-Front Ħarsien ODZ li kienet mfissra f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu quddiem il-Berġa ta’ Kastilja hekk kif illum jispiċċa ż-żmien tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozzi ta’ liġijiet li bihom id-Direttorat tal-Ambjent se jinfired minn mal-MEPA.
Il-kelliem għall-Front Ħarsien ODZ Michael Briguglio sostna li permezz ta’ dawn il-liġijiet, se jkun iktar possibbli biex ikun regolarizzat żvilupp illegali f’zoni protetti u barra mill-iżvilpp (ODZ).
Hu qal li qabel l-elezzjoni li għaddiet, Joseph Muscat wiegħed li l-qasma tal-MEPA se tiffavorixxi l-ambjent għaliex ingħatat l-impressjoni li d-Direttorat tal-Ambjent u l-Awtorita’ tal-Ippjanar se jkollhom l-istess saħħa. Jidher li dan mhux il-każ, qal Briguglio.
Iżda l-iktar parti tal-liġi li hi ta’ tħassib hi l-imminar tal-awtonomija tar-regolatur. “Se mmorru lur għas-snin 80 fejn b’daqqa ta’ pinna, il-Ministru jista’ jissanzjona illegalitajiet u jħassar deċiżjonijiet tal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Jekk il-Gvern għandu mandat biex jifred l-ambjent mill-ippjanar, żgur m’għandux mandat biex għal xi ħaġa bħal din”, tenna Briguglio.
Michael Briguglio appella lill-Gvern biex jkomplix jibqa’ għaddej gaffa minn fuq kulħadd u jġib ruħu ta’ gvern ta’ pajjiż demokratiku u verament jisma’ l-vuċi taċ-ċittadini.
//= $special ?>

