Il-prezz tad-diesel f’pajjiżna huwa 6.5ċ ogħla mill-pajjiżi fiz-Zona Ewro u 1.26ċ ogħla mill-medja Ewropea. Dan joħroġ mill-aktar ċifri riċenti tal-Kummissjoni Ewropa li ġew pubblikati nhar it-Tnejn.
L-istatistika turi li l-prezz tad-diesel fl-UE jinsab fil-medja ta’ €1.24 kull litru. Fil-pajjiżi taz-Zona Ewro l-prezz għal kull litru huwa ta’ €1.195.
Fi stqarrija, l-Għaqda Maltija tal-Awtomobiliżmu (MAC) qalet li ċ-ċifri juru ċar illi l-prezz tad-diesel f’Malta huwa ogħola minn dak f’21 pajjiż tal-UE. Fost l-oħrajn naraw illi fi Franza, il-Ġermanja, Spanja u saħansitra anke l-Greċja, il-prezz tad-diesel huwa orħos. Fil-Lussemburgu, id-diesel huwa 22ċ anqas minn Malta.
Anke il-petrol huwa orħos minn Malta f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE. Din il-lista tinkludi il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Awstrija, Ċipru u Spanja. Fl-Estonja, il-petrol huwa 19ċ orħos mill-prezz f’pajjiżna.
L-MAC qalet illi l-Enemed qed taprofitta mill-vantaġġ li għandha fis-suq lokali, u qed iddaħħal profitti akbar a spejjes tal-konsumatur Malti. L-istess Għaqda appellat biex il-Gvern jiftaħ is-suq għal kumpaniji bħal BP, Esso u Shell sabiex ikun hawn il-kompetizzjoni fil-prezzijiet tal-pompi tal-petrol.
//= $special ?>

