Lokali

Aġġornata (4) Iċedi l-blat f’Dellimara: “Ħsibna li kienet kamra tan-nar” – xhud

Massa ta’ blat iċċedi qrib il-fanal ta’ Dellimara; raġel fil-periklu tal-mewt

“Konna qed nieħdu l-kafe’ meta f’daqqa waħda smajna theżżiża. Dak il-ħin ħsibna li kienet xi kamra tan-nar.”

Kliem Karmenu Camilleri, li ma’ MaltaRightNow.com spjega dak li seħħ għall-ħabta tal-5 ta’ waranofsinhar, meta massa ta’ blat ċediet fiz-zona ta’ fejn hemm il-fanal ta’ Dellimara, fil-limiti ta’ Marsaxlokk.

L-inċident ħalla raġel ta’ 52 sena mill-Gudja fil-periklu tal-mewt filwaqt li mara li kienet miegħu indarbet ukoll. Mill-investigazzjonijiet preliminari tal-Pulizija jirriżulta li l-ġebel waqa’ fuq dgħajsa li fuqha kien hemm il-koppja u kien għal din ir-raġuni li ż-żewġ persuni ndarbu.

Malli seħħ l-inċident, fuq il-post marru uffiċjali mill-Protezzjoni Ċivili u mill-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll Pulizija tal-ALE, flimkien mal-Pulizija tar-RIU u tad-distrett. Intant, iż-żewġ persuni kellhom jittieħdu l-bajja ta’ Marsaxlokk fejn sabu ambulanza tistenniehom u li ħadithom l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com, fosthom Karmenu (filmat fuq) spjegaw li għall-ħabta tal-5pm huma semgħu theżżiża. Karmenu qalilna wkoll li fiz-zona kien hemm żewġ persuni fuq il-quadbikes li minkejja li ma ndarbux, sofrew minn xokk qawwi.

dellimara 4 dellimara 1 dellimara 5 dellimara 3

 

Ritratti: MaltaRightNow.com – kull dritt miżmum

delllimara 2

 

Ritratti: Roberto Runza