Mumenti mill-isbaħ ta’ għaqda fil-Birgu hekk kif waqt il-marċ tal-Antiviġilja tal-festa ta’ San Lawrenz, il-partitarji Palmiżi waqfu quddiem il-Każin tal-Banda Prince of Wales ta’ San Duminku biex jirringrazzjaw lill-partitarji Dumnikani tal-għajnuna tagħhom fil-maltempata li seħħet iktar kmieni lbieraħ (aqra hawn).
Kien f’dan il-mument li dawk preżenti nfexxew f’kor wieħed komuni, ‘Viva l-Birgu’, f’episodju emozzjonanti u storiku li jixhed maturità miż-żewġ naħat.
Il-Palmiżi ppreżentaw lid-Dumnikani bukkett fjuri bħala ġest simboliku li tpoġġa quddiem l-istatwa ta’ San Duminku, kif jidher fir-ritratt.
Ta’ min jinnota li minkejja li bejn iż-żewġ naħat teżisti pika tal-festa, madankollu hemm ftehim, li ilu fis-seħħ għal snin twal, biex waqt il-marċi rispettivi ma jsirx tgħajjir quddiem il-każini.
Dan minbarra li kemm il-Palmiżi u d-Dumnikani jikkoperaw f’numru ta’ affarijiet oħra matul is-sena.
//= $special ?>

