Lokali

Identifikati żewġ persuni li allegatament serqu sakemm is-sidien kienu qed jgħumu fi Qui-Si-Sana

MaltaRightNow hu nfurmat li l-Pulizija identifikat żewġ persuni, ġuvni u tfajla, li iktar kmieni llum inżammu minn żagħżugħ wara li allegatament dawn serqu xi oġġetti personali tiegħu u t-tfajla waqt li kienu qed jgħumu fi Qui-Si-Sana, f’Tas-Sliema.

F’kummenti lil dan is-sit, iż-żagħżugħ li safa’ misruq spjega li waqt li kienu qed jgħumu ħallew xi affarijiet personali moħbija taħt xugaman, bil-ħsieb li jsibuhom hekk kif jitilgħu lura mill-baħar.

Madankollu, madwar 20 minuta wara, kif telgħu avviċinathom turista Russa li avżathom li żewġ persuni kienu għadhom kif serquhom. Huma ġrew wara l-persuni indikati lilhom u rnexxielhom jaqbdu lill-mara.

Ftit tal-ħin wara fuq il-post irritorna wkoll ir-raġel, li sa dak il-ħin kien qed jistaħba. Il-vittma żamm liż-żewġ persuni għal ftit ħin u sadattant it-tfajla tiegħu ħadet ritratti tagħhom.

Huma rkupraw l-affarijiet misruqa qabel dawn ħarbu mill-post abbord vettura tat-tip Kia in-numru ta’ reġistrazzjni DAC 729. Dwar dan il-każ sar rapport lill-Pulizija, li għandhom ukoll kopja tar-ritratti.

Min għandu xi informazzjoni li tista’ twassal biex il-persuni jiġu identifikati jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke’ jekk b’mod anonimu, jew inkella b’mod kunfidenzjali lil dan is-sit. L-identita’ tas-sorsi tagħna tibqa’ protetta.