Lokali

Il-ħaddiema taċ-ċivil u Facebook

L-Assoċjazzjoni tal-persuni li jaħdmu jew jistudjaw fil-qasam tal-informatika (MITLA) appellat lill-Gvern biex jippubblika linji gwida ċari għall-ħaddiema taċ-ċivil dwar l-użu ta’ Facebook u media soċjali oħrajn.

Fi stqarrija l-MITLA qalet li ma taqbilx li għandu jiġi projbit l-użu tas-social media mill-ħaddiema tal-Gvern. Jekk xejn, għandu jiddaħħal kodiċi ta’ etika u policies ċari għal dawk li jużaw siti bħal Facebook.

Din il-kontroversja żviluppat wara li l-Ministru Evarist Bartolo impona fuq il-management tal-ETC biex ma jkollhomx preżenza fuq Facebook. Bartolo ħa din id-deċiżjoni wara kummenti diżpreġjattivi li għadda l-Kap Eżekuttiv tal-ETC Philip Rizzo lejn impjegata oħra – kummenti li għaddihom permezz ta’ Facebook.

Il-MITLA qalet li l-Gvern Ingliż fl-aħħar snin introduċa policy għaċ-ċivil dwar l-użu tas-social media. Minflok projbizzjoni, il-Gvern Ingliż irrikonoxxa li l-mezzi soċjali jistgħu iqarrbu liċ-ċivil maċ-ċittadini.

Il-Gvern Malti ma jistax jitlef din l-opportunita’ li juża’ b’mod għaqli l-mezzi soċjali”, ittemm tgħid l-istqarrija.