Lokali

Joseph Muscat huwa politikament diżonest

“Joseph Muscat gideb meta qal li ħbejt il-fatt li snin ilu, jiena kont tajt servizzi professjonali bħala avukat lil Gaffarena. Fil-fatt, kont jien stess li semmejt dan il-fatt waqt konferenza tal-aħbarijiet.”

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u x-Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami qal b’referenza għal dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista.

Beppe Fenech Adami spjega li r-relazzjoni bejnu u bejn Gaffarena kienet biss relazzjoni professjonali u li tmur lura meta kienu għadu mhux deputat Parlamentari. Żied li lanqas li kieku kien minnu li hu habib personali ta’ Gaffarena, x’għandu jingħad dwar il-ħbiberija ta’ Marco Gaffarena mas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.

Fl-aħħar ġimghat ġie żvelat li Michael Falzon mar vaganza ma’ Gaffarena; ltaqa’ ma Gaffarena qabel il-kompromess ta’ Strada Żekka; u ffirma dan il-kompromess wara li sar. L-istess kompromess li ghamel lil Gaffarena multi-miljunarju.

Beppe Fenech Adami sahaq li l-fatt jibqa’ li l-Partit Nazzjonalista ma tax lil Gaffarena dak li ried; u minflok spicca biex mar għand il-Partit Laburista u ħa kull ma ried.

Il-Vici Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat għandu ħafna xi jwieġeb dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Gaffarena u kif malli sar Prim Ministru ta l-permess lil Gaffarena biex jiftaħ pompa tal-petrol mibnija illegalment, għamel lil Gaffarena miljunarju f’żewġ deals ta’ proprjeta’ fi Strada Żekka u kien se jagħmel l-istess bl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt.

Joseph Muscat huwa politikament diżonest. Għax qed jattakka lil min hu onest u jiddefendi lil min hu diżonest, temm jgħid il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.