Lokali

Konferma li l-Gvern kien f’negozjati dwar Palazzo Verdelin

Sa Marzu li għadda l-Gvern kien qiegħed f’negozjati biex jixtri Palazzo Verdelin fil-Belt Valletta. Il-gazzetta The Sunday Times tiżvela dan fil-ħarġa tal-lum.

Il-ġurnal ifakkar li l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela kien ċaħad fil-Parlament li l-Gvern kien qed jikkunsidra li jixtri jew jisproprja dan il-Palazz.

Madankollu l-gazzetta The Sunday Times of Malta għandu f’idejh korrispondenza bejn id-Dipartiment tal-Artijiet, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u l-Ministru nnifsu li juru b’mod ċar li l-gvern kien intenzjonat li jixtri dan il-bini.

Fil-korrispondenza, is-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney jitlob ‘direzzjoni politika’ dwar dan il-każ lill-Ministru Carmelo Abela. Filwaqt li Mahoney id li ma jirrakkomandax li l-Gvern jixtri Palazzo Verdalin fid-dawl tal-iskandlu tax-xiri tal-Cafe’ Premier, minflok, jissuġerixxi li l-Gvern jespropja l-binja.

Meta kkuntattjat dwar dan il-kaz il-Ministru caħad li huwa qatt kien ipprezentat b’xi dokumenti dwar il-futur ta’ Palazzo Verdelin filwaqt li s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney ma xtaqx jikkummenta.

The Sunday Times of Malta ftit tal-ġimghat ilu kien żvela li Marco Gaffarena kien jinsab f’negozjati mas-sidien ta’ Palazzo Verdelin biex jixtri din il-proprjeta ghal 3.5 miljun ewro.

Madanakollu, wara l-kontroversja li nqalgħet wara li Gaffarena xtara proprjeta fi Triq Zekka, is-sidien għazlu li ma jkomplux għaddejjin b’dawn in-negozjati.

Jidher li Gaffarena avviċina lis-sidien ta’ Palazzo Verdelin fl-istess zmien li kien ghaddej f’negozjati mal-Gvern dwar ix-xiri ta’ proprjeta fi Triq Zekka. Permezz tax-xiri ta’ propjeta fi Triq Zekka, Gaffarena, f’xahrejn, għamel qligħ ta’ €685,000.

Dwar dan l-iskandlu, s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għazel li ma jikkummentax, u dan hekk kif l-istess Michael Falzon kien involut fl-iskandlu l-ieħor li kien involut ukoll Gaffarena – dak ta’ Strada Zekka.