L-Awtoritajiet ta’ Iżrael arrestaw almenu seba’ persuni suspettati bħala militanti Lhud waqt li tefgħu tnejn oħra l-ħabs mingħajr ma ressqulhom akkużi.
L-arresti seħħew fost offensiva fuq l-estremisti Lhud, jiem wara li kienu sfaw attakkati r-residenzi tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent.
Il-Palestinjani akkużaw lir-residenti Lhud fix-Xatt tal-Punent b’konnessjoni mal-attakki li kienu swew il-ħajja ta’ tifel ta’ 18 il-xahar. Dan it-tifel miet meta r-residenza li kien rieqed fiha fil-villaġġ ta’ Duma sfat mira ta’ bomba tan-nar, f’Lulju li għadda.
Fi tmiem il-ġimgħa, tħabbar li missier it-tifel, li spiċċa ferut gravi fl-istess attakk, kien miet mill-ġrieħi li ġarrab, bil-funeral tiegħu jsir ilbieraħ, f’Duma. Intant, omm it-tifel u ħuh għadhom f’kundizzjoni kritika wara li huma wkoll kienu spiċċaw feruti mill-bomba tan-nar.
L-aħħar arresti tas-suspettati estremisti seħħew waqt rejds tal-pulizija fuq żewġ residenzi tal-Lhud fix-Xatt tal-Punent li kienu ttellgħu mingħajr awtorizzazzjoni.
L-Iżraeljani anki ħadu passi biex iż-żewġ Lhud oħra, allegati bħala militanti, jinżammu taħt arrest b’riżultat ta’ miżuri tas-sigurtà kontroversjali u mingħajr ma l-irġiel għaddew minn proċess legali. Hemm anki tielet raġel, ukoll allegat bħala ‘militanti Lhudi’, li ilu diversi jiem miżmum taħt proċess ta’ detenzjoni amministrattiva.
//= $special ?>