Qed jinfetħu dejjem aktar ħofor enormi, magħrufa bħala sinkholes, fl-ixtut ta’ Iżrael maġenb il-Baħar Mejjet. Dawn is-sinkholes, fost oħrajn, qegħdin ‘jibilgħu’ toroq sħaħ, flimkien ma’ ammonti ta’ bungalows, caravans u stallazzjonijiet tad-dawl, bl-awtoritajiet qed jinkwetaw li l-problema għandha tikber.
Is-sinkholes — fondi almenu żewġ sulari u li wħud fihom daqs court tal-basketball — feġġew b’mod kontinwu u drammatiku minħabba li l-Baħar Mejjet qiegħed jonqos. Fil-fatt, il-baħar qed jitnaqqar b’rata ta’ aktar minn metru fis-sena u l-problema tidher se taqleb għall-agħar mingħajr ma tittieħed azzjoni fuq livell globali.
Il-fenomenu hu dovut ukoll għall-proġetti li ‘jikkonċentraw’ is-sorsi tal-ilma naturali għall-Baħar Mejjet fuq il-biedja u l-ipproċessar tal-ilma għax-xorb. Is-sorsi tal-ilma naturali jiċċirkolaw lejn in-Nofsinar u mill-wied tax-Xmara Ġordan, mid-direzzjoni tas-Sirja u l-Libanu. Intant, is-sinkholes jidhru li huma anki riżultat ta’ proġetti tal-mining.
Ħafna nies, fosthom ħaddiema, fl-artijiet maġenb il-Baħar Mejjet jinkwetaw li jistgħu jispiċċaw f’wieħed mis-sinkholes li darba kienu meqjusa bħala xi ħaġa rari u li issa qegħdin ifeġġu kull sena. Kien hemm ukoll, almenu, każ fejn weġġgħu numru ta’ hikers li waqgħu ġo waħda mill-ħofor li nfetħet għall-għarrieda fl-art, ftit ‘il hinn mill-Baħar Mejjet.
//= $special ?>