Raġel weġġa’ gravi wara li waqa’ sular meta ċedew xi xorok bih. L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident fi Triq Għar Bittija kantuniera ma’ Triq il-Knisja, Ħad-Dingli.
Il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li filwaqt li raġel ta’ 46 sena residenti Ħad-Dingli stess kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni ġewwa maħżen, ċedew ix-xorok bih b’konsegwenza li waqa’ madwar sular.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom. Ir-raġel ittieħed immedjatament l-Isptar sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Aktar stħarriġ għadu għaddej.
//= $special ?>

