Lokali

Simon Busuttil: ‘8 sfidi għal Joseph Muscat’

Fid-dawl tal-iskandli u korruzzjoni li qed jiffaċċja l-Prim Ministru, dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel 8 sfidi lil Joseph Muscat li l-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna li l-Prim Ministru jieħu jekk iridu juri li lest jikkontrolla s-sitwazzjoni.

1. L-ewwelnett, għandu jreġġa’ lura l-permess tal-pompa tal-petrol illegali li Gaffarena ħa f’Ħal Qormi u li ħadu malli Joseph Muscat tela’ Prim Ministru u żamm il-MEPA taħt idejh;

2. It-tieni: il-Prim Ministru għandu jreġġa’ lura x-xiri ta’ żewġ kwarti ta’ dar fi Strada Zekka mingħand Gaffarena li sar wara li Joseph Muscat kien l-ewwel Prim Ministru li qatt żamm il-Lands Department taħt idejh; dan ifisser li l-Gvern irid jieħu lura mgħand Gaffarena:
• it-43 tomna art li tah;
• id-dar f’Tas-Sliema li tah;
• u n-nofs miljun ewro cash li tah;

3. It-tielet: il-Prim Ministru għandu jintrabat li ma jixtri xejn aktar mingħand Gaffarena, lanqas il-parti li Gaffarena għandu f’Palazzo Verdelin li hu skandlu separat ieħor ta’ Gaffarena ma’ Kastilja;

4. Ir-raba’: il-Prim Ministru għandu jneħħi d-Dipartiment tal-Lands u l-MEPA minn taħt ir-responsabbilta’ tiegħu għax l-agħar skandli li seħħew fl-aħħar sentejn seħħew f’dawn iż-żewġ entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ diretta tiegħu;

5. Il-ħames: il-Prim Ministru għandu jieħu passi kontra Michael Falzon li hu Segretarju Parlamentari tiegħu f’Kastilja u li kien personalment involut fid-deal li sar biex Gaffarena sar multi-miljunarju. Michael Falzon hu ħabib personali ta’ Gaffarena, siefer ma’ Gaffarena, iltaqa’ ma’ Gaffarena f’Kastilja proprju dwar id-deal maħmuġ ta’ Strada Zekka, bagħat assistent tiegħu ma’ Gaffarena il-Lands; u ffirma d-deal fl-aħħar Michael Falzon għandu jitneħħa wkoll għax inkixef li ħa €260,000 mill-Bank of Valletta bħala early-retirement li ma hu early retirement xejn għax żamm id-dritt li jekk jispiċċa minn Ministru jmur lura x-xogħol. U fl-istess ħin li kien qed jieħu l-early retirement kellu kunflitt ta’ interess kbir għax kien qed jagħti l-House of Four Winds lill-BOV għal 65 sena;

6. Is-sitta: il-Prim Ministru għandu jara li jittieħdu passi kontra Daniel Zammit li kien Prosekutur f’każ ta’ qtil kontra r-raġel tat-tifla ta’ Gaffarena waqt li Gaffarena daħħlu miegħu sħab f’negozju;

7. Is-seba’: il-Prim Ministru għandu jordna lill-Pulizija tieħu passi kontra ħu Roderick Zammit, li jiġi ħu Daniel, li għadu fil-Pulizija minkejja li nstab li kien imsieħeb ukoll fin-negozju ma’ Gaffarena u ma’ karattri dubjużi oħrajn, kif qalet l-Inkjesta tal-eks-Imħallef Michael Mallia – u dan għadu lanqas biss ġie sospiż mill-Pulizija.

8. It-tmienja: il-Prim Ministru għandu jneħħi minnufih lil missierhom – Ray Zammit, li kien Kummissarju tal-Pulizija sakemm saret il-froġa tal-isparatura – u li sa llum għadu jokkupa karigi oħra importanti, fosthom Direttur tal-Ħabs u issa għamluh ukoll Kap tal-Aġenzija ġdida tal-Wardens.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħalissa l-akbar problema fil-pajjiż hija l-iskandli ta’ korruzzjoni fil-parti l-kbira marbuta mal-obbligi li għandu l-Gvern għax-xiri ta’ voti. “Din hija korruzzjoni, korruzzjoni marbuta ma’ ħatriet pubbliċi, ma’ flus, ma’ proprjeta’, ma’ jobs fis-settur pubbliku, ma promozzjonijiet, ma’ kuntratti pubbliċi, ma’ imġieba ta’ Ministri – kull ġimgħa b’waħda ġdida. Biex issib dawn it-tip ta’ skandli trid tmur lura għal żmien Mintoff u Lorry Sant – tant li llum anki min hu Laburist ġenwin qed jgħid, isma issa iżżejjed kollu żejjed,” qal Simon Busuttil.

Hu sostna li fuq l-aktar skandlu mħabbel li kellna dan l-aħħar – l-iskandlu ta’ Gaffarena – il-Prim Ministru spiċċa alleat ta’ Gaffarena: il-Prim Ministru jiddefendi lil Gaffarena u Gaffarena jagħti palata lill-Prim Ministru.

Dawn l-iskandli qed jirrabbjaw u jiddiżgustaw lin-nies għax issa qed toħroġ rabta perikoluża li torbot lil nies fil-poter, f’Kastilja, ma’ nies fil-Puliżija u ma’ nies bħal Gaffarena li l-Imħallef Michael Mallia iddeskrivihom bħala ‘karattri dubjużi’, kompla jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Waqt il-kollegament telefoniku, Simon Busuttil irrefera għal skandli oħra, fosthom :

• Illum stess fis-Sunday Times ġie żvelat skandlu ieħor – li l-Gvern kien qiegħed jipprepara li jixtri l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt, Palazzo Verdelin, mingħand Gaffarena. Jiġifieri l-ewwel iħallu lil Gaffarena jixtriha mingħand is-sidien, imbagħad il-Gvern jixtri mingħand Gaffarena bi profitt straordinarju. Illum il-Ministru Carmelo Abela ġie mgiddeb għax kien xeba’ jiċħad li qatt kien se jixtri l-Għassa tal-Belt. Issa nsiru naf li kien qed jigdeb. Dan gideb lill-Parlament. U issa jeħtieġ inkunu nafu jekk Michael Falzon kienx involut f’dan l-iskandlu ġdid.

• Din il-ġimgħa ħareġ li l-eks Tezorier tal-Partit Laburista, Joe Sammut, huwa involut fil-bejgħ ta’ visas u permessi ta’ residenza lil-Libjani. Minkejja li ġie interrogat mill-Pulizija, il-Gvern għadu ma qal xejn, u għadu ma tkeċċix mill-Partit Laburista; Hemm id-dettalji kollha llum fl-Independent;

• Dwar iż-Żonqor, illum stess il-Prim Ministru ikkonferma mal-MaltaToday li xorta waħda se jmiss iż-Żonqor. Jiġifieri wara dawn il-protesti kollha; wara l-akbar protesta favur l-ambjent li qatt ra dan il-pajjiż; dan il-Gvern, b’arroganza, se jibqa’ għaddej. Il-pożizzjoni tagħna tibqa’ ċara: aħna kontra li jinbena parti miż-Żonqor u se nibqgħu niġġieldu biex dan ma jsirx, b’kull mezz li tagħtina l-liġi.

• Hemm il-kuntratti mal-Electrogas u max-Shanghai Electric Power – bi trasparenza ta’ xejn kemm dwar il-garanzija bankarja ta’ €88 miljun kif ukoll dwar il-konsorzju li tilef il-membru ewlieni.

• Hemm il-ftehim li ffirma waqt żjara sigrieta fl-Ażerbajġan u li qed iwassal biex il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa;

• Hemm l-iskandlu tal-Cafe Premier – li fih hu involut ukoll direttament u personalment il-Prim Ministru nnifsu.

• Hemm il-kwistjoni tal-imġieba ta’ numru ta’ ministri, bħal Chris Cardona, Ian Borg, Helena Dalli: fejn bqajna bla tweġiba.

Il-mod kif qed jaġixxi l-Prim Ministru mhuwiex ta’ ġellied kontra l-korruzzjoni anzi hija ta’ difensur ta’ min huwa nvolut fi skandli, sostna Simon Busuttil, li kompla jispjega kif din il-ġimgħa, rajna lill-Partit Laburista mmexxi minn Muscat u lill-media Laburista kontrollata minn Muscat jaġixxu ta’ kelliema, difensuri, u ostaġġi ta’ Gaffarena.

Issa xogħol il-Partit Nazzjonalista huwa li jikxef dawn l-iskandli: imma ma jistax jieqaf hemm. Simon Busuttil sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid jgħid ukoll kif jagħmel l-affarijiet differenti. “U għalhekk jiena diġa ħabbart li sa qabel l-aħħar ta’ din is-sena jiena se nħabbar pakkett ta’ miżuri biex ikun hawn gvernar tajjeb – Good Governance – u nintrabat li dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ mill-ewwel jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista,” qal Simon Busuttil.

Fuq Gaffarena jiena diġa kelli l-opportunita’ nuri fiex nemmen: meta ġie għandi Gaffarena qabel l-elezzjoni għall-permess tal-pompa tal-petrol li bena llegalment jiena għidtlu le, bla tlaqliq. Il-Kap tal-PN sostna li  fuq kuntratti pubbliċi – nimxu bi trasparenza: meta l-Gvern jiffirma kuntratt importanti li se jorbot lill-pajjiż, dan għandu jiġi pubblikat. Fuq proprjetajiet tal-Gvern – nimxu b’mod ġust: mhux naqbdu u nagħtu l-art tal-Gvern lil min irridu, iżda ngħadduha biss bi trasparenza sħiħa u jkollu ċans kulħadd. Il-fondi pubbliċi nużawhom b’responsabbilita’, mhux tberbiq ta’ flus bl-addoċċ, fuq safar, fuq riċevimenti, fuq kuntratti b’direct order, fuq ħlasijiet bla raġuni bħalma sar fil-każ tal-Cafe Premier.

Simon Busuttil sostna li l-opportunitajiet niftħuhom għal kulħadd: Ma naqbdux u niftehmu ma xi investitur mill-Ġordan bla ebda sejħa; u f’karigi importanti, f’ħatriet pubbliċi, f’jobs mal-Gvern, nagħtu tassew ċans fair lil kulħadd billi jkun hemm skrutinju ta’ kif isiru l-ħatriet pubbliċi.