“Stephen kien ħerqan li jara l-post lest mill-aktar fiss”.
Kienu dawn kliem mart Stephen Galea, raġel li lbieraħ weġġa’ gravi meta kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħad-Dingli. Sit, li fuqu kien qed isir xogħol biex jinbena ċentru ġdid għall-Għaqda Talent Dingli.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, meta ċedew xi xorok waqt li r-raġel kien qed jaħdem, f’sit li jinsab fi Trq Għar Bittija, kantuniera ma’ Triq il-Knisja.
Fuq il-post minnufih marru membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll Pulizija mill-Għassa tar-Rabat, li mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li r-raġel kien waqa’ għoli ta’ madwar sular. Hu ttieħed l-isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Stephen Galea kien qed jaħdem f’sit li se jkun konvertit f’ċentru ġdid għall-Għaqda Talent Dingli. Fuq facebook, il-mara ta’ Stephen qalet li r-raġel tagħha, li hu wkoll Viċi-President tal-għaqda, weġġa’ meta kien qed jagħmel xogħol volontarju.
Hi rringrazzjat lil dawk kollha li taw l-ewwel għajnuna kif ukoll lil dawk li qed iċemplu jew jibgħatu l-messaġġi tagħhom.
Dan hu t-tieni inċident f’temp ta’ ftit jiem f’sit ta’ kostruzzjoni. Il-Ġimgħa, ħaddiem tal-kostruzzjoni sfortunatament tilef ħajtu f’inċident traġiku meta ċediet gallarija fil-Gżira. F’dak l-inċident weġġgħu ukoll żewġ ħaddiema oħra, li wieħed minnhom għadu jinsab fil-periklu tal-mewt.
Ritratt: Facebook.com (Stephen waqt xogħol f’dan is-sit li mistenni jkun konvertit f’ċentru għall-Għaqda Talent Dingli)
//= $special ?>



