Lokali

Aġġornata: It-tfajla li għebet waqt li kienet qed tgħum tinstab qawwija u sħiħa

Wara numru ta’ sigħat ta’ tfittxija għal tfajla li għebet waqt li kienet qed tgħum, it-tfajla nstabet qawwija u sħiħa mit-tim ta’ tfittxija fuq il-post.

Ġurnalisti ta’ MaltaRightNow.com li jinsabu fuq il-post irrappurtaw li t-tfajla telgħet fuq l-art minn jedda u bħalissa qed tingħata l-ewwel għajnuna.

Jirriżulta li xi ħin aktar kmieni dalgħodu t-tfajla nġarret mill-mewġ iżda fortunatament irnexxielha tgħum san-naħa fejn hemm lukanda fil-qrib, minn fejn telgħet. Mhux magħruf x’seħħ fil-ħin ta’ bejn il-mument meta t-tfajla telgħet fuq l-art u l-mument li nstabet. Bħalissa qed jagħtu lit-tfajla l-ewwel għajnuna sakemm fuq il-post tasal ambulanza biex tieħu lit-tfajla l-isptar għal aktar kura.

Aktar informazzjoni hekk kif tidħol…

Aktar kmieni…

Bħalissa għaddejja tfittxija għal tfajla barranija li għebet waqt li kienet qed tgħum ma’ ġuvni kmieni dalgħodu.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-4 ta’ filgħodu, meta tfajla ta’ 22 sena ta’ nazzjonalità Ċeka u ġuvni ta’ 23 sena, residenti Birkirkara, niżlu jgħumu fil-Bajja t’Għajn Tuffieħa.

Il-ġuvni allegatament tela’ mill-baħar sabiex jġib xugaman mill-vettura tiegħu u meta rritorna lura ma sabx lit-tfajla.

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta jinsabu fuq il-post, flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta, li qed jassistu fit-tfittxija permezz ta’ helicopter u numru t’għaddasa.