Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili dalgħodu ssejħu biex jitfu nirien f’dar fi Triq l-Imrabat f’San Ġiljan. In-nirien kienu laħqu nfirxu iżda l-pumpieri għamlu biċċa xogħol tajba u kkontrollaw is-sitwazzjoni fi ftit ħin.
Madanakollu anzjan residenti fl-istess dar kellu jinħareġ u jingħata l-kura minħabba ammont ta’ duħħan li kien bela’ kaġun tan-nirien fl-istess residenza.
Fil-post issejjaħ ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel assistenza lil dan l-anzjan li iżda baqa’ jirrifjuta li jittieħed l-Isptar għal aktar kura li kellu bżonn.
Jidher li n-nirien laħqu l-qofol tagħhom fil-bitħa interna tar-residenza u kien hawnhekk li l-pumpieri sabu periklu kbir meta sabu erba’ ċilindri tal-gass li nħarġu mill-binja minħabba li l-biża’ li jisplodu.
Għal mument l-inħawi fejn kienet qed issir din il-ħidma mill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ngħalqu għat-traffiku. Fil-post issejħu wkoll il-Pulizija tad-Distrett u oħrajn tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kkontrollaw is-sitwazzjoni.
//= $special ?>

