Ambjent Lokali

Appelli biex Joseph Muscat ma jibqax b’ras taż-żonqor

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jaġixxi ta’ stinat u rasu iebsa meta qed jibqa’ jinjora lis-soċjetà ċivili bl-iżvilupp fiż-Żonqor. Dan qalu l-Front Ħarsien ODZ fi stqarrija wara dikjarazzjoni li għamel il-Ħadd il-Prim Ministru Muscat.

Joseph Muscat iddikjara li, minkejja kollox, parti mill-Università Amerikana se tinbena fiż-żona taż-Żonqor, li hi żona barra mill-iżvilupp (ODZ).

Dwar din id-dikjarazzjoni, Front Ħarsien ODZ qal li dak li hu aktar inkwetanti hu kif il-Prim Ministru għamel din id-dikjarazzjoni meta l-Parlament jinsab wieqaf għall-vaganzi tas-Sajf. Qal li barra minhekk, il-ftehim bejn il-Gvern u l-iżviluppaturi Sadeen Group għadu mhux ippubblikat.

Fl-istqarrija, il-Front staqsa lill-Prim Ministru biex jiddikjara jekk kienx hemm obbligazzjonijiet ma’ Sadeen Group, li oriġinaw qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Sostna li se jibqa’ jżid ir-reżistenza għal kwalunkwe żvilupp fiż-Żonqor, tant li se jsaħħaħ il-vuċi tas-soċjetà ċivili b’tali mod li l-ebda gvern demokratiku ma jista’ jinjoraha.

Fi stqarrija separata, anke l-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa esprimiet id-diżappunt tagħha bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru. L-għaqda qalet li l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika tidher li saret għalxejn għax is-sit kien diġà magħżul.

Filwaqt li esprimiet it-tħassib tagħha, l-għaqda ambjentali qalet li hu inaċċettabbli li l-Gvern qed jipproponi l-kostruzzjoni f’sit verġni minflok ma jkunu kkunsidrati siti mhux użati.

U min-naħa tiegħu, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-protesta nazzjonali li saret, Joseph Muscat qed jikkonferma kemm għandu rasu taż-żonqor. L-Oppożizzjoni kkritikat ukoll il-fatt li Joseph Muscat għażel apposta l-ġimgħa tal-vaganzi biex iwassal din l-aħbar biex mingħalih il-poplu Malti u Għawdxi jagħlaq ħalqu u ma jitkellimx.

L-Oppozizzjoni sfidat għal darb’oħra lill-Gvern biex ifittex jippubblika l-kuntratt filwaqt li se tibqa’ tinsisti li ma tinbena l-ebda parti miż-Żonqor, filwaqt li se tibqa’ tiġġieled b’kull mezz li tippermetti l-Liġi biex dak li jrid Muscat ma jsirx.