Lokali

“Dak il-blat mhuwiex stabbli u se jkun hemm inċidenti simili fil-futur” – il-Ġeoloġista Peter Gatt

“L-irdum f’Dellimara mhuwiex stabbli u l-inċident li seħħ żgur li mhux se jkun l-uniku wieħed. Se jkun hemm aktar inċidenti bħalu fil-futur.”

Kliem il-Ġeoloġista Dr. Peter Gatt, li f’kummenti ma’ MaltaRightNow.com spjega x’seta’ wassal biex massa ta’ blat ċediet mill-irdum ta’ Dellimara.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-5 ta’ waranofsinhar. Diversi persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com spjegaw kif semgħu ħoss qawwi bħal splużjoni.

Ara: Filmat: Iċedi l-blat f’Dellimara: “Ħsibna li kienet kamra tan-nar” – xhud

Ma’ MaltaRightNow.com, Peter Gatt spjega li l-irdum ta’ Dellimara hu ffurmat minn tip ta’ blat li hu aktar dgħajjef minn tipi oħra ta’ blat. Hu fisser kif ftit metri biss bogħod minn fejn waqa’ l-blat f’Dellimara, hemm blat ieħor f’sitwazzjoni tant imwiegħra li jista’ jċedi fi żmien qasir.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ġeoloġista spjega li x-xita li għamlet f’Malta fl-aħħar jiem setgħet għenet biex ġie mgħaġġel il-proċess li kompla jkisser il-blat.