Lokali

Filmat: In-nar tal-art fil-Mosta jinħaraq kmieni minħabba l-maltemp

Grupp ta’ żgħażagħ u dilettanti tan-nar mis-Soċjeta’ Piroteknika Ħmistax t’Awwissu, li kienu qed iħejju għall-festa ta’ Santa Marija, ma kinux lesti li jħallu lit-temp jaħlilhom xhur twal ta’ ħidma u dak kollu li stinkaw tant għalih isir suf.

Kien għalhekk li kif pajjiżna beda jitgħatta minn sħab kbir, li ġab miegħu maltempata ta’ xita u riħ qawwi, dawn irħewlha lejn il-pjazza ta’ maġenb ir-Rotunda, u taw bidu għal spettaklu ta’ nar li paxxa lil dawk li kienu fortunati u nzertaw fil-viċin.

Filfatt f’daqqa waħda l-pjazza bdiet timtela’ bin-nies, u b’koperazzjoni mal-Pulizija ingħalqu t-toroq tal-madwar biex ma jkunx hemm periklu għas-sewwieqa u kollox isir skont il-liġi.

Suppost l-ispettaklu tan-nar imħejji minn dawn id-dilettanti kellu jibda fil-23:30, u kien ippreparat bil-mużika b’kollox, li madankollu ma nxtegħlitx b’rispett għaliex fil-ħin kienet għaddejja l-quddiesa.

Matul il-quddiesa filfatt id-dilettanti ramaw l-aħħar biċċiet tan-nar tal-art biex malli tispiċċa l-quddiesa jinħaraq l-aħħar parti tal-ispettaklu akkumpanjat mill-mużika.

Intant illejla tħassar marċ li kellu jsir, filwaqt li membri tal-Grupp Armar Marija Assunta u żarmaw l-armar u l-istatwi mit-triq biex ma ssirx ħsara.

Filmat: Sean Bartolo