Internazzjonali

Frodisti qed jippużaw ta’ esperti dwar is-sigurtà tal-kompjuters

Fir-Renju Unit ġiet innutata spinta fil-każijiet tal-frodi, fejn il-protagonisti jkunu ħallelin – jew conmen – li jisirqu l-mijiet tal-eluf tal-liri Sterlina mingħand persuni li jużaw il-kompjuter. Il-ħallelin kapaċi jaqdu l-iskop kriminali b’li jippużaw ta’ inġiniera ma’ kumpanniji leġittimi li jinkludu l-‘Apple’ u l-‘Microsoft’.

Il-frodisti żviluppaw phone scam elaborat fejn jilgħabuha tal-esperti dwar is-sigurtà tal-kompjuters li jkunu qed ‘jirrappreżentaw’ l-aqwa kumpanniji fil-qasam. Magħruf li l-frodisti, f’dan il-każ, iċemplu lin-nies f’darhom biex jinfurmawhom dwar ‘theddida potenzjali’, bil-vittmi jispiċċaw konvinti li t-tagħmir tagħhom għandu xi problema teknika li tissewwa bi proċess ta’ remote għal somma żgħira ta’ flus.

Il-kriminali ‘cyber’ jispiċċaw iqarrqu bil-vittma sal-punt fejn din tipprovdilhom id-dettalja tal-karta tal-kreditu biex, mingħaliha, tħallas għat-’tiswijiet’. Il-ħallelin, imbagħad, jużaw l-istess dettalji biex jieħdu l-flus mill-kontijiet tal-individwi kkonċernati.

L-aġir qarrieqi kien iddettaljat mill-Uffiċċju (Britanniku) tal-Istatistika Nazzjonali li żvela li l-ammont ta’ ‘service frauds’ fis-software tal-kompjuter fl-Ingilerra u f’Wales aktar milli rdoppja — minn 10,784 għal 21,978 każ u li jfisser żieda ta’ 104 fil-mija.