Aġġornata
Il-blat li lbieraħ ċeda f’Dellimara, ċeda b’tant qawwa li hezzez l-art b’mod li għall-ewwel, it-thezziza ġiet reġistrata mill-Grupp ta’ Moniteraġġ u Riċerka Siżmika tal-Universita’ ta’ Malta bħala terremot.
Filfatt it-thezziza li ġiet reġistrata fil-ħamsa neqsin żewġ minuti fl-istazzjon siżmiku f’Wied Dalam f’Birżebbuġa minn dan il-grupp, ma kienet xejn għajr riżultat tal-impatt qawwi li l-blat li ċeda kellu meta waqa’ l-baħar.
F’stqarrija li ħarġet dalgħodu ġie ċċarat li s-sinjal li ġie rreġistrat fl-istazzjon ta’ Wied Dalam f’Birżebbuġa kif ukoll fl-istazzjon siżmiku fl-Universita’, ma kienx terremot iżda thezziza kawża tal-impatt tal-blat li waqa’ l-baħar.
F’kuntatt ma’ MaltaRightNow.com, kelliema mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fl-Universita’ ta’ Malta qalet li għal bidu ġiet reġistrata t-thezziza, li bil-metodu ta’ kif jitkejjel terremot, kienet kalkulata 2.3 fuq l-iskala Richter. Madanakollu, wara ħarsa aktar fil-dettal mill-istess Dipartiment, irriżulta li t-thezziza ma kinitx kawża ta’ terremot.
Mistoqsija minn MaltaRightNow.com jekk hemmx mod kif it-thezziza tkun kwantifikata fuq l-iskala Richter, biex titkejjel il-qawwa tat-thezziza, il-kelliema mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenza qalet li dan mhux possibbli peress li l-metodu biex jitkejjel terremot hu differenti minn kif titkejjel thezziza li m’hijiex kawża ta’ terremot.
Ritratt: Għall-ewwel, il-magni tad-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fl-Universita’ ta’ Malta mmarkaw thezziza li kkalkulat li kienet ġejja minn terremot ta’ 2.3 fuq l-iskala Richter. Aktar tard, wara ħarsa aktar fid-dettall, irriżulta li t-thezziza kienet konsegwenza tal-blat li ċeda f’Dellimara.
Ritratt: il-ħofra fil-blat wara li ċediet massa ta’ blat
//= $special ?>


