Joseph Muscat ma jafx jistħi. Muscat qed jippretendi li l-Partit Nazzjonalista jieħu passi kontra Beppe Fenech Adami li kien avukat ta’ Gaffarena snin ilu, filwaqt li hu stess ta lil Gaffarena kull ma ried u aktar minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.
Qal dan il-partit Nazzjonalista fi stqarrija li fiha fakkar li Joseph Muscat ħareġ il-permess għall-pompa tal-petrol illegali f’Ħal Qormi lill-istess Gaffarena meta l-Partit Nazzjonalista ma kienx ħarġu.
Joseph Muscat ma ħa ebda passi kontra s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li kien personalment involut fl-iskandlu ta’ Strada Zekka li għamel lil Gaffarena multi-miljunarju u ma ħa ebda passi kontra l-Ministru Carmelo Abela li nqabad jigdeb, saħansitra fil-Parlament, dwar jekk il-Gvern kienx se jixtri Palazzo Verdilin ukoll m’għand l-istess Gaffarena.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li trid tkun ma tafx tisħi li tgħajjar lill-Partit Nazzjonalista dwar Gaffarena meta Joseph Muscat innifsu sar alleat ta’ Gaffarena.
L-istqarrija tfakkar li lbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel 8 sfidi lill-Prim Ministru li minkejja li għaddew aktar minn 24 siegħa, Joseph Muscat għadu ma laqax. Dawn l-isfidi huma li Joseph Muscat għandu:
1. ireġġa’ lura l-permess tal-pompa tal-petrol illegali li ta lil Gaffarena
2. ireġġa’ lura x-xiri ta’ żewġ kwarti ta’ dar fi Strada Zekka
3. jintrabat li ma jixtri xejn aktar mingħand Gaffarena
4. jneħħi l-Lands u l-MEPA minn taħt idejh
5. jieħu passi kontra s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon
6. jieħu passi kontra l-eks Spettur Daniel Zammit
7. jara li jittieħdu passi kontra l-Ispettur Roderick Zammit
8. jneħħi minnufih lil Ray Zammit min Direttur tal-Ħabs u Kap tal-Aġenzija tal-Wardens
F’temp ta’ sentejn biss, Joseph Muscat spiċċa jmexxi l-aktar Gvern korrott minn żmien Mintoff u Lorry Sant.
//= $special ?>

