Hi tal-mistħija kif membri tar-Rapid Intervention Unit qed jirrappurtaw għax-xogħol bi qliezet imqattgħin u kienu biss 32 membru tal-RIU li ngħataw qalziet ieħor tas-Servizz.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija (MPA) qalet li s-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit ma fihiex biss 32 Uffiċjal tal-iSWAT, iżda tinkludi wkoll 110 membri oħra li għadhom ma ngħatawx qalziet ieħor bħall-oħrajn, filwaqt li hemm min qed ikollu jixtri parti mill-uniformi għas-spejjeż tiegħu.
L-MPA qalet li dan l-ilment ilu jitressaq għal diversi drabi, iżda s’issa dejjem waqa’ fuq widnejn torox. Hu għalhekk li l-MPA kellha tirrikorri ghall-media.
Fl-istqarrija, l-MPA ikkritikat ukoll il-fatt li minkejja laqgħat li saru mal-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, għad hemm fixed points tal-Pulizija li m’humiex attrezzati bl-arja kkundizzjonata, b’differenza għal ċerti fixed points oħra, fosthom dik li hemm mar-residenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-MPA qalet li xi ħaġa bażika bħall-arja kkundizzjonata għall-Uffiċjali tal-Korp li jkunu esposti għax-xemx, illum il-ġurnata hi meqjusa bħala lussu fil-Korp tal-Pulizija.
L-MPA temmet tgħid li hu ta’ dispjaċir li skont stħariġ li sar minn gazzetta online, 70% ta’ min ipparteċipa wieġeb li m’għandux fiduċja fil-Korp. Saħqet li l-punt tat-tluq hu li jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet bażiċi fil-Korp biex, eventwalment, tkun tista’ togħla l-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp.
//= $special ?>

