“Ċempel il-garaxx tal-Pulizija, ġib il-low-loader u l-karozza tittieħed il-garaxx tal-Pulizija
Minn xhieda ġuramentata li ta kuntistabbli tal-Pulizija quddiem il-Bord Dixxiplinarju li investiga l-isparatura fil-Gżira mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, joħroġ ċar li l-ordni biex il-karozza involuta tittieħed il-garaxx tal-Pulizija, ħarġet direttament mingħand l-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit.
Dan ġie żvelat fil-ġurnal In-Nazzjon, li kompla jiżvela aktar siltiet minn rapport tal-Bord Dixxiplinarju li kien qed jistħarreġ jekk l-ispettur Gabriel Micallef ikkontaminax ix-xena tar-reat meta ċaqlaq il-karozza li fuqha seħħet l-isparatura. Ilbieraħ il-Mument żvela xhieda li ta’ l-ispettur Micallef, fejn qal li Ray Zammit baswar l-affarijiet u prova jitfagħhom fuqu.
Illum, il-ġurnal In-Nazzjon żvela li kuntistabbli li ta xhieda quddiem il-Bord Dixxiplinarju qal li l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija qallu “ċempel il-garaxx tal-Pulizija, ġib il-low-loader u l-karozza tittieħed il-garaxx tal-Pulizija.”
Kien fil-lejl tad-19 ta’ Novembru 2014 li Paul Sheehan, ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, spara tiri fid-direzzjoni ta’ persuna bil-konsegwenza li seta’ qatilha.
Il-karozza li lejha kienu ġew sparati t-tiri, tat-tip Vauxhall, kienet ittellgħet fuq il-low-loader minkejja li dwar inċident serju bħal dan kellha ssir inkjesta Maġisterjali u għalhekk, għall-ebda raġuni ma setgħet issir xi ħaġa li tikkontamina x-xena tad-delitt.
Issa jirriżulta b’mod ċar li kien l-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li ta ordnijiet ċari biex il-karozza tittella’ fuq il-low-loader u allura effettivament kienet ikkontaminata x-xena tar-reat.
Intant, Ray Zammit għadu qed jokkuppa karigi importanti mogħtija mill-Gvern Laburista – fosthom Direttur tal-Ħabs kif ukoll imexxi l-Aġenzija li waqqaf il-Gvern stess għall-infurzar lokali.
Aktar dettalji fil-ġurnal In-Nazzjon…
//= $special ?>

