Lokali

“M’għandniex mandat inħallu Pulizija maħmuġin fil-Korp”

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia hija vuċi oħra f’kor ta’ kundanni indirizzati lejn il-Prim Ministru u l-Gvern li għadhom ma ħadu l-ebda passi kontra l-familja ta’ Ray Zammit, wara li uliedu nstabu ħatja li involvew ruħhom f’negozju ma’ Gaffarena meta dan ma kienx permessibbli għalihom bħala uffiċjali tal-Pulizija.

F’artiklu ppubblikat minn The Malta Independent, Marlene Farrugia tgħid li “m’għandniex mandat inħallu Pulizija maħmuġin fil-Korp, minflok nikkastigawhom li daħlu l-interessi personali tagħhom f’negozji”.

Marlene Farrugia titkellem dwar diversi temi oħra. Issemmi kif il-Gvern Laburista m’għandu l-ebda mandat ipoġġi tanker tal-gass f’Marsaxlokk. M’hemm lanqas l-ebda mandat biex Żonqro jinbena.

Id-deputat laburista tkompli tgħid illi n-nies ma vvutawx biex ikollna blackouts regolari fil-provvista tad-dawl jew biex il-MEPA tinqasam fi tnejn mingħajr ebda konsultazzjoni u b’għaġla kbira. Anke l-garanzija bankarja ta’ 88 miljun ewro lill-Electrogass, qatt ma ssemmiet fil-programm elettorali.

F’The Malta Independent, Farrugia tispjega li l-Gvern għandu jmexxi bi trasparenza, għandu jiġġieled il-korruzzjoni, u għandu jħares l-interess nazzjonali.