Ikolli nistqarr li minkejja l-ħabta li għandi, dik li mmur lura fl-istorja politika u naqra u nerġa’ naqra l-ewwel battuti politiċi ta’ dan in-nazzjon, u kif minn pajjiż maħkum taħt l-Ingliżi għadda għal wieħed indipendenti biex imbagħad ħieles, ninsab maħsud bl-avvenimenti kontinwi ta’ epsidoji minn sensiela mdamma ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Għalkemm is-snin tmenin illum għaddew u huma biss tifkira mbiegħda fl-istorja politika li l-Partit Nazzjonalista warrab lil hinn minn fostna, grazzi għall-ġlieda li ħadet is-snin biex pajjiżna jkun l-ewwel nett f’komformità demokratika u t-tieni nett jagħraf jirrispetta dak li hu istituzzjonalizzat, ta’ spiss ninnutaw li llum, mill-ġdid bdejna nisimgħu dwar din l-era sewda ta’ politika maħmuġa orkestrata b’sinfonija mill-ifjen minn Duminku Mintoff u Lorry Sant, allegatament protagonisti ta’ qerq u korruzzjoni sfaċċata.
Minkejja li għaddew is-snin, u l-Prim Ministru attwali tela’ b’wegħda li jegħleb il-qerq u l-korruzzjoni permezz ta’ trasparenza assoluta, ix-xebh bejn dik l-era sewda u l-era politika tal-lum, din l-era tat-Tagħna Lkoll, ma jistax ma jkunx fuq fomm kulħadd. Jekk wieħed joqgħod jixtarr u jqis sewwa kliem Joseph Muscat qabel rebaħ l-elezzjoni tal-2013, ma jdumx ma jintebaħ kemm għaraf jirkeb fuq għanja li toqgħod tajjeb għall-widna tal-poplu, l-istess għanja li kienet tant u tant meħtieġa lura għaż-żminijiet tal-bidu tas-snin 80. B’analiżi ħafifa, malajr tinnota li kliem Eddie Fenech Adami dakinhar tal-11 ta’ Ġunju tal-1982, liema diskors kien ċentrali dejjem f’diskorsi oħrajn, reġa’ ġie ripetut b’għaqal strateġiku minn Joseph Muscat fid-diskorsi meqjusa għall-aħħar fil-kampanja elettorali li wasslitu sa Kastilja trijonfalment, għaliex nissel id-dubju fostna l-Maltin li Gvern Nazzjonalista kien korrott, li kien hemm bżonn il-bidla, li ma kienx hemm għajr triq oħra biex pajjiżna jerġa’ jibda jinbena mill-ġdid wara ħamsa u għoxrin sena.
Ftit konna nobsru li l-karba iperbolika tal-mexxej tal-Labour kellha tkun xejn ħlief naħqa ta’ ħmar, li la qatt telgħet u lanqas qatt mhi se titla’ s-sema.
Għaddew aktar minn sentejn u l-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux talli mhux jipprattika kliemu – tajjeb ninnutaw li Fenech Adami wettaq dak li kien ilu jwiegħed – imma talli ħa lil pajjiżna lura lejn minn fejn bdejna, sewwa sew fix-xagħri taż-Żonqor ta’ Lorry Sant u l-klikka ta’ madwaru.
Huwa mistenni, u huwa sewwa li l-Partit Nazzjonalista, f’Oppożizzjoni li għandha d-dover li ssus wara l-Gvern, tibqa’ hemm, tistaqsi u tippreżenta quddiem il-poplu din il-gidba tat-Tagħna Lkoll. Ma nistgħux ninnegaw l-importanza li ntellgħu fil-wiċċ u nistaqsu fil-Parlament il-mistoqsijiet li l-Maltin għandhom ikunu jafu t-tweġibiet għalihom, imma rridu nħarsu lejn l-istampa ħolistika wkoll, u nħarsuha b’għaqal.
Irridu nagħrfu l-importanza, li l-Partit Nazzjonalista ma jkunx qiegħed jaħli bil-wisq enereġija jsegwi dagħwa orkestrata minn Kastilja wara oħra u mhux qiegħed jibqa’ kkonċentrat fuq id-drawing board biex minnu jfassal politika fattibbli li jrid jippreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi f’manifest elettorali li jrid ikun vitali biex il-Partit jirbaħ l-elezzjoni.
Ftit tal-ġimgħat ilu kont qiegħed nikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv għax nemmen li internament il-Partit għandu jkun biss iffukat fuq il-ġejjieni li jrid iniedi, u minkejja li llum ma nagħmilx sehem f’dan il-kumitat, l-obbligu tiegħi lejn il-Partit li f’ismu ser inkun qiegħed nikkontesta jorbotni li nħares ‘il quddiem. Għandi nifhem li l-Gvern ser ikun qiegħed ixejjen dawn l-iskandli kollha lejlet l-elezzjoni, u minħabba li l-maġġoranza tal-poplu jara biss sa mnieħru – kieku ma tellax lill-Partit Laburista fil-Gvern – jaf li jista’ jerġa’ jirbaħ lill-elettorat b’sensiela ta’ gideb u wegħdi li jagħmu lill-kotra li tkun għadha ma fehmitx il-ħsara ireparabbli ta’ leġiżlatura Laburitsa barra minn żmienha. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid imħajji biżżejjed biex hemm barra, jippreżenta l-viżjoni l-ġdida għal pajjiżna meta jasal il-mument.
Il-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jaħdem bis-serjetà biex ikun hu li jirbaħ l-elezzjoni u ma jħallix lill-Partit Laburista jitlifha. Il-kredibiltà tal-Gvern issa ġiet dikjarata nulla. Fatt. L-idea li Gvern Laburista qatt jista’ jkun meritkroatiku, trasparenti u kontabbli hija biss illużjoni. Għalhekk, issa huwa ż-żmien opportun li l-Partit Nazzjonalista jħares ‘il quddiem u jibda jagħfas sewwa fuq dak li jista’ jġib lil pajjiżna jekk kemm-il darba jkun afdat imexxi b’differenza. Qiegħed ngħid b’differenza, għaliex minkejja li Simon Busuttil qatt ma kien fit-tmun tal-pajjiż – imma l-Partit kien għal tul ta’ snin – irid l-appoġġ tal-poplu li jibda jemmen fih bħala Prim Ministru alternattiv li jmexxi kabinett alternattiv, b’serjetà li jaf iġib miegħu biss Gvern Nazzjonalista.
Hija ħasra li Joseph Muscat tebba’ l-fiduċja fil-politiċi, u dan qiegħed jidher kull ma jmur. Mhuwiex veru li l-politiċi huma kollha l-istess, imma hemm politiċi Laburisti u hemm oħrajn Nazzjonalisti. Is-serjetà tal-Partit Nazzjonalista hija definita, imma ma nistgħux imqar nilmħu bixra tagħha f’leġiżlatura li rat l-iskandli oxxeni jiżvilluppaw u jimmaturaw b’responsabbiltà minn min ikun ħolomhom f’roadmap… imma li tagħna x’nifhmu li r-roadmap kienet xort’oħra.
(Verżjoni ta’ dan l-artiklu deher f’il-mument tal-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2015)
//= $special ?>