Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Charles Camilleri

Aġġornata b’filmat

Fil-Belt, illum ingħatat l-aħħar tislima lil Charles Camilleri, li matul ħajtu kien benefattur kbir fil-Belt u anke serva f’numru ta’ għaqdiet u soċjetajiet. Fl-Omelija, l-eks Arċipriet tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu Dun Alfred Camilleri fisser lil Charles bħala bniedem b’talent, kariżma, inizjattiva u kapaċità, kif ukoll ġentlom b’qalb kbira.

Il-korteo bit-tebut beda minn Triq ir-Repubblika, b’waqfa quddiem il-bini tas-Soċjetà Filarmonika La Vallette, li għal xi snin sa mewtu, kien President tagħha. Il-korteo ntemm quddiem il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, fejn Charles kien benefattur tal-Knisja, b’imħabba speċjali lejn San Pawl.

Hemm, saret il-quddiesa presente cadavre, li apparti mijiet ta’ familjari, qraba u ħbieb, attendew għalih ukoll diversi awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom ir-raġel tal-President is-Sur Edgar Preca, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, kif ukoll numru kbir ta’ Deputati.

Matul ħajtu, Charles kien negozjant ta’ suċċess, magħruf l-aktar bħala wieħed mis-sidien ta’ kumpanija tal-ħelu li għamlet isem f’pajjiżna. Għal xi snin, serva wkoll bħala President tal-klabb tal-futbol ta’ Valletta.