Id-Deputat Laburista Joe Sammut kien l-Avukat ta’ Marco Gaffarena (ritratt) f’kawża li n-negozjant kellu fil-Qorti Ċivili, kif ukoll quddiem il-Bord ta’ Kontroll fuq Ċnus f’Żoni Rurali. Barra minhekk, anke l-eks President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi deher għal Gaffarena quddiem dan il-Bord.
Dawn id-dettalji ġodda dwar ir-rabtiet bejn Gaffarena u esponenti tal-Partit Laburista kienu żvelati minn The Malta Independent.
Waqt intervent telefoniku li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħadd li għadda fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, għażel li jsemmi diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista u l-allegat rabtiet li skont hu għandhom ma’ Gaffarena.
Madankollu, il-ġurnal bl-Ingliż innota li l-Prim Ministru naqas milli jsemmi kif l-Avukati Joe Sammut u Stefan Zrinzo Azzopardi fil-passat irrapreżentaw lil Gaffarena f’każijiet li kellu.
Bħalissa għadha għaddejja l-inkjesta mid-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet (IAID) rigward il-mod kif saret l-espropjazzjoni tal-binja fi Strada Zekka, li partijiet minnha kienu nxtraw minn Gaffarena għal prezz ikkunsidrat ‘minimu’ biex imbagħad sar miljunarju mil-lejl għan-nhar.
Il-Prim Ministru kien intrabat li jippubblika l-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni, li bdiet f’Ġunju, iżda s’issa ma kien hemm l-ebda żviluppi.
//= $special ?>

