Il-Korp tal-Pulizija issa ilu ftit tax-xhur mhux ħażin li qabad ir-rotta ’l isfel u konferma ta’ dan ingħatat proprju f’dawn il-jiem meta saru magħrufa l-ismijiet tas-Supretendenti l-ġodda maħtura wara sejħa li saret mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Is-sejħa biex jimtlew il-vakanzi ta’ Supretendenti ġodda fil-Korp tal-Pulizija tmur lura bosta xhur, preċiżament għad-9 ta’ Awwissu 2013. Madanakollu r-riżultat finali kien pubblikat fil-jiem li għaddew – fis-6 ta’ Awwissu 2015 – jiġifieri sentejn wara li saret is-sejħa.
It-tlettax-il Supretendent ġdid huma Ian Joseph Abdilla, Mario Tonna, Kevin J.Farrugia, Ramon Mercieca, Kenneth Haber, Stephen Mallia, Nazzareno Grixti, Michael Alan Mallia, Dennis Theuma, Geoffrey Azzopardi, Christopher Pullicino, Francis Micallef u Anthony Cassar.
Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li quddiemha dehru l-Ispetturi u li finalment iddeċidiet min kellu jingħata l-ħatra ta’ Supretendent kienet magħmula mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Kevin Mahoney li kellu r-rwol ta’ Chairperson, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar u Joseph St. John bħala membri tal-istess Kummissjoni.
B’titwila lejn il-lista ta’ dawk li saru Supretendenti, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni ċara ħafna li l-parti l-kbira ta’ dawk li ġew promossi għal Supretendenti huma magħrufin sew għall-kulur politiku tagħhom. Bl-eċċezzjoni ta’ xi wħud, l-għażla – kumbinazzjoni jew le – waqgħet fuq maġġoranza ta’ Supretendenti ta’ kulur aħmar.
Membri fil-Korp tal-Pulizija stess qed jistaqsu kif imxiet il-Kummissjoni fl-għażla finali, jekk kellhiex struzzjonijiet u minn min, u fuq liema kriterji bbażat l-għażliet tagħha – jekk il-prijorità ewlenija ngħatatx lill-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-integrità tal-kandidati magħżula.
Dan għaliex biżżejjed wieħed isemmi li fit-tieni post ta’ din il-lista pubblikata skont il-pożizzjoni li ġew fiha l-Ispetturi li applikaw, wieħed isib lil Mario Tonna li fis-6 ta’ Lulju tal-2011 kien instab ħati fil-Qorti mill-Maġistrat Joseph Apap Bologna li hedded u ta fastidju lil Supretendent kollega tiegħu fil-Korp tal-Pulizija. L-Ispettur Mario Tonna, li hu magħruf sew għas-sentimenti politiċi tiegħu favur il-Partit Laburista, kien instab ħati li fid-9 ta’ Novembru tal-2008 fin-Naxxar u f’inħawi oħra, għamel użu mhux xieraq mill-mowbajl tiegħu u ta fastidju lil superjur tiegħu fil-Korp tal-Pulizija.
//= $special ?>

