Lokali

Id-Daniża mietet fgata; il-Pulizija jikkunsidraw il-każ bħala omiċidju

Id-Daniża li kienet instabet mejta f’Għawdex lejn l-aħħar ta’ Lulju li għadda, mietet fgata.

Din l-informazzjoni ġdida dwar dak li qed ikun kunsidrat bħala qtil ta’ mara ta’ 71 sena, ingħata mill-Pulizija, li qalu li l-patoloġisti kkonfermaw li l-mara mietet wara li sfat fgata.

Il-mara kienet instabet mejta fis-26 ta’ Lulju li għadda minn raġel li kien mixi bil-kelb fil-Wied magħruf bħala ‘Tal-Kappuċini’ fil-limiti tar-Rabat Għawdex. Hi nstabet mejta, kompletament għarwiena u b’daqqiet f’rasha, b’tbenġil f’partijiet minn sidirha u kustilja miksura.

F’Crime Conference li kienet saret l-għada li nstab il-kadavru tal-mara, kien intqal li d-daqqiet ma wasslux għall-mewt tal-mara. Qabel ma nstabet, il-mara kienet ilha nieqsa jumejn.

Wara aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija llum qalu li d-Daniża mietet fgata minn xi persuna jew persuni mhux magħrufa.

Il-Pulizija qalu li minħabba ċ-ċirkustanzi suspettużi, il-każ qed ikun trattat bħala omiċidju. Intant, il-Pulizija qalu li l-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan il-każ huma fi stadju avvanzat. Madanakollu, jibqa’ fis-seħħ l-appell tal-Pulizija biex kull min għandu xi informazzjoni dwar il-każ, jgħaddiha lill-Pulizija.

Kien il-gimgha 24 ta’ Lulju li l-Ghassa tal-Pulizija ta’ Marsalforn dahlilha rapport ta’ mara nieqsa. Jirrizulta li l-mara kienet mal-qraba taghha f’Marsalforn Ghawdex, li qaltilhom li kienet sejra tixtri u wara tlett sighat kienet ghadha ma gietx lura. Kien dak il-hin li kien sar rapport lill-Pulizija.

Qabel ma gie kkonfermat li d-Daniza mietet fgata, l-awtopsja li kienet saret ftit wara s-sejba tal-kadavru taghha kienet inkonklussiva peress li l-gisem kien diga’ fi stat ta’ dekomposizzjoni.