Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa (NCW) jemmen li l-Liġi għall-Protezzjoni tal-Embrijuni m’għandiex titbiddel u għandha iżżomm l-għan tagħha li tipproteġi l-embrijun meta jkun fi stat vulnerabbli.
Fi stqarrija n-NCW reġa’ tenna l-pożizzjoni tiegħu kontra l-iffriżar tal-embrijuni. L-istqarrija tfakkar illi meta embrijun jiġi friżat, ikun ħaddieħor li jiddeċieci għat-tifel jew tifla li tkun inżammet fi stat ta’ friża. Hemm ukoll kunsiderazzjonijiet serji kemm-il darba l-ġenituri naturali ta’ dak l-embrijun jisseparaw.
Il-Liġi kif inhi bħalissa taħseb biss għal assistenza meta jkun hemm koppji stabbli, raġel u mara. Uħud fil-fatt jemmnu li din hija diskriminatorja kontra koppji tal-istess sess, jew persuni li huma single.
L-istqarrija titkellem ukoll dwar dawk in-nisa li “jsellfu” lilhom infushom sabiex iġorru trabi ta’ ħaddieħor (surrogate mothers). L-NCW temmen li din hija biss azzjoni b’kunsiderazzjoni finanzjarja.
Il-President tal-Kunsill Mary Gaerty tpoġġi diversi domandi fuq proposti li qed isiru bħalissa. Fost l-oħrajn, issaqsi jekk hux se jkun hemm reġistru ta’ donaturi ta’ sperma, u jekk tarbija hux se tkun reġistrata bħala unknown father kemm il-darba tkun imnissla minn sperma ta’ donatur.
L-NCW tqajjem ukoll il-punt dwar l-anonimita’ tad-donaturi, u jekk dan jistax iwassal biex fil-futur ikun aħwa li jiżżewġu, propju għaliex ma jkunux jafu li huma aħwa.
Issaqsi ukoll x’se jkunu d-drittijiet ta’ surrogate mothers, u diffikultajiet oħra legali li jqumu minn din id-diskussjoni sħiħa.
Il-Kunsill tan-Nisa tenna li fis-snin li ġejjin huwa kruċjali li nibqgħu nipproteġu l-embrijun, u dan mhux b’kapriċċ.
//= $special ?>

