Internazzjonali

Ikomplu bit-taħditiet dwar il-Libja f’Ġinevra

Il-gruppi rivali tal-Libja ħejjew għal fażi oħra ta’ taħditiet għall-paċi fil-belt ta’ Ġinevra, fl-Iżvizzera. L-iżvilupp segwa l-ftehim parzjali li ntlaħaq ix-xahar li għadda, madankollu, ma kien hemmx aspettattivi ta’ xi ftehim konkret għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja.

In-negozjati sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti qed imexxihom Bernardino Leon, ir-rappreżentant tan-NU għal-Libja. Leon qal, intant, li l-ftehim li ntlaħaq fil-Marokk fil-11 ta’ Lulju kien pass importanti lejn it-tmiem ta’ erba’ snin kaos fil-Libja.

Dak il-ftehim kellu l-appoġġ tal-membri tal-Parlament Libjan f’Tobruk li jgawdi għarfien internazzjonali. L-appoġġ ingħata wkoll minn membri ta’ partiti politiċi, tas-soċjetà ċivili u minn diversi uffiċjali lokali. Iżda l-ftehim spiċċa bbojkottjat mill-Kungress Ġenerali Nazzjonali, li għandu s-sede fi Tripli u li hu appoġġjat mill-entitajiet Iżlamiċi.

Il-Kungress kien twaqqaf is-sena l-oħra fi Tripli minn alleanza ta’ milizzji b’saħħitha.

S’issa, in-NU ma kkonfermatx l-ismijiet ta’ dawk li kellhom jattendu l-aħħar rawnd ta’ taħditiet f’Ġinevra. Fl-istess ħin ma kienx ċar jekk ir-rappreżentanti tal-Kungress Ġenerali Nazzjonali Libjan ivvjaġġawx lejn l-Iżvizzera għal sehem fit-taħditiet.

L-esperti qalu li anki jekk il-Kungress ta’ Tripli jimpenja ruħu għad-djalogu tan-NU, il-kunċett ta’ ftehim permanenti għall-waqfien mill-ġlied jista’ jibqa’ biss ħolma għal-Libjani. Dan meta jista’ jkun hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn in-negozjaturi u l-elementi li qed jiġġieldu fil-Libja, li ilha mifnija bi vjolenza kontinwa mill-2011.

L-osservaturi wissew ukoll li d-dmija fil-Libja se tkompli mingħajr proċess ta’ negozjati separat li jinvolvi speċifikament lill-entitajiet armati kollha f’dak il-pajjiż.