Lokali

“Ikun hemm ħlas jekk titlob l-għajnuna tal-AFM minħabba negliġenza”

Jekk tinsa tagħti l-fuel lid-dgħajsa u jkollok titlob l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta għax tkun waqfitlek f’nofs ta’ baħar, allura dak ikun jammonta għal negliġenza u għaldaqstant ikun hemm ħlas.

MaltaRightNow.com ikkuntattja lill-Forzi Armati ta’ Malta wara kumment fuq il-grupp ‘Are You Being Served’ ta’ persuna li ilmentat kif waqfitilha d-dgħajsa f’nofs ta’ baħar bir-risposta tal-Forzi Armati tkun li kellha tħallas.

“Tal-mistħija tieqaflek dgħajsa f’nofs ta’ baħar, iċċempel lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) għall-għajnuna u jiġu jgħidulek li trid tħallas biex jiġu,” tilmenta din il-persuna filwaqt li tkompli, “l-anqas jgħidulek kemm, għax skont kif jiddeċiedi dak il-ħin.”

Iżda kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta qal lil MaltaRightNow.com, filwaqt li saħaq li għad m’għandux dettalji dwar dan il-każ partikolari, spjega li jekk tieqaf dgħajsa minħabba nuqqas ta’ petrol kawża ta’ negliġenza, allura jkollhom jitħallsu l-ispejjeż.

Il-ħlas li jkun irid isir f’każ ta’ negliġenza fejn tieqaf dgħajsa f’nofs ta’ baħar, ikun determinat minn numru ta’ fatturi, fosthom it-tip ta’ dgħajsa u d-distanza mill-kosta fejn tkun waqfet id-dgħajsa.

Naturalment, kompla l-kelliem għall-Forzi Armati, jekk l-operazzjoni tkun ġenwinament waħda ta’ salvataġġ, f’dak il-każ ma jintalab l-ebda ħlas.

dghajsa