Platini jista’ jagħti dettalji tal-manifest għall-Presidenza fil-laqgħa f’Malta
Il-FIFA ma tistax tagħmel tibdil kredibbli fl-aħħar xhur tat-tmexxija ta’ Sepp Blatter wara l-iskandli kollha li kellha. Dan qalu l-eks kandidat għall-Presidenza tal-FIFA l-Prinċep Ali bin al-Hussein.
Il-Prinċep tal-Ġordan qajjem ukoll dubji dwar kemm huma effettivi r-riformi interni li huma appoġġjati minn Michel Platini, dan li kien spalla tiegħu u li issa hu l-akbar favorit li jkun is-suċċessur ta’ Blatter fl-elezzjoni tas-26 ta’ Frar.
“Ma naħsibx li se jkun hemm xi ħadd li se jieħu deċiżjoni kredibbli fis-sitwazzjoni preżenti,” qal il-Prinċep Ali. “Naħseb li l-importanti hi li jkun hemm bidla totali fit-tmexxija.”
Huwa ddeskriva wkoll lil Platini bħala “mhux tajjeb għall-FIFA” meta l-President tal-UEFA kien nieda l-kampanja tiegħu ħmistax ilu. “Id-dinja kollha tixtieq tara bidla.”
Ali għadu ma kkommettiex ruħu dwar jekk hux se jerġa’ jikkontesta għall-kariga. “Bħalissa qed nitkellem mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u nisma’ l-opinjonijiet tagħhom,” qal il-Prinċep li kiseb 73 vot minn 209 membri tal-FIFA meta Blatter reġa’ rebaħ l-elezzjoni f’Mejju.
Fi żmien erbat’ijiem Blatter ħabbar li kien se jħalli l-uffiċju taħt pressjoni minn investigazzjonijiet mill-Istati Uniti u l-Iżvizzera fuq korruzzjoni li sa fl-aħħar wasslet biex l-isponsor tat-Tazza tad-Dinja jitolbu bidla fil-kultura tal-FIFA.
Ali jista’ jħabbar il-pjani tal-kampanja tiegħu fis-7 ta’ Settembru meta se jkun wieħed mill-kelliema prinċipali tal-Konferenza tas-Soccerex f’Manchester, l-Ingilterra.
“Dan hu l-post fejn ovvjament inkun irrid nesprimi l-idejat tiegħi u dak li naħseb li hu l-aħjar għall-organizzazzjoni,” qal Ali li serva bħala Viċi-President tal-FIFA għall-Asja għal erba’ snin.
Bejn il-15 u s-16 ta’ Settembru, membri tal-UEFA li ħafna minnhom appġoġġjaw lill-Prinċep Ali kontra Blatter, se jkunu qed jiltaqgħu f’Malta u jistgħu jistennew dettalji dwar il-manifest ta’ Platini għall-Presidenza tal-FIFA.
Il-Prinċep Ali rrifjuta li jikkummenta dwar il-possibilità li jirfes l-art ta’ Platini matul is-sessjoni ta’ jumejn. Din hi waħda mill-ftit laqgħa skedati fejn numru kbir ta’ votanti tal-FIFA se jkunu qed jinġabru qabel il-kungress ta’ Zurich.
“Nittama li din id-darba tkun elezzjoni tajba. L-importanti li jkun hemm dibattitu proprju u l-affarijiet ikunu bażati fuq pjattaforma reali.
Bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru Blatter se jkun qed imexxi laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv fi Zurich fejn il-FIFA wegħdet “proposti ta’ riformi konkreti u komprensivi” minn task force li l-11-il membru tagħha għad iridu jkunu magħrufa.
S’issa l-ebda sponsor ġdid ma kien iffirmat mal-FIFA sa mit-Tazza tad-Dinja fil-Brażil u mhux mistenni li jkun hemm qabel l-elezzjoni presidenzjali.
Il-Coca-Cola li ilha snin twal sinonima mal-FIFA talbet għal “kummissjoni indipendenti minn terzi persuni” biex tmexxi l-bidla u l-McDonald’s qalet li “ma jistax ikun hemm progress notevoli taħt it-tmexxija preżenti tal-FIFA.”
“Jekk ikollok il-FIFA fejn in-nies għandhom il-fiduċja… l-isponsors se jkunu qed jiġġieldu bejniethom biex ikunu parti minnha,” qal il-Prinċep.
//= $special ?>

