Ir-rappreżentanti tal-Gvern Grieg qalu li pajjiżhom qabel fil-prinċipju mal-kredituri internazzjonali rigward il-qafas ta’ ftehim għall-bailout. Il-ftehim hu mill-aktar sinifikanti għall-Greċja biex il-pajjiż ikompli fiż-Żona Ewro, filwaqt li jsalva mill-falliment wara ħafna xhur ta’ inċertezza.
Filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi Grieg qal li għad fadal xi kwistjonijiet żgħar pendenti mal-kredituri, il-Gvern Grieg qed jittama li din il-ġimgħa jirnexxilu jgħaddi l-ftehim għall-bailout mill-Parlament f’Ateni. Dan il-ftehim hu validu għal tliet snin u hu ekwivalenti għal €86 biljun.
Il-Greċja teħtieġ konferma tal-ftehim sal-20 ta’ Awwissu, meta trid tħallas madwar €3 biljun lill-Bank Ċentrali Ewropew bħala parti mid-djun dovuti. Il-Greċja ma tistax tagħmel dan il-pagament mingħajr il-fondi assoċjati mat-tielet bailout, li qed tidħol għalih f’perjodu ta’ ftit aktar minn ħames snin.
Sadanittant, il-Ministru Grieg tal-Finanzi Tsakalotos, li matul il-lejl li għadda kellu taħditiet fit-tul f’Ateni man-negozjaturi li qed jirrappreżentaw il-kredituri tal-Greċja, qal li pajjiżu jinsab pass ‘il bogħod minn ftehim u jonqos biss qbil dwar xi dettalji. Dan hekk kif, skont ir-rapporti, il-Greċja issa qablet dwar il-funzjoni ta’ fond ġdid għall-privatizzazzjoni indipendenti.
Osservaturi qed jgħidu li l-ftehim għandu jgħaddi mill-iskrutinju intensiv tal-Parlament Grieg meta mistenni li jsemmgħu leħinhom numru ta’ Deputati li qed jopponu għalih. Dan meta l-aktar membri radikali tax-xellug, li qed tmexxi l-koalizzjoni tal-Greċja, m’humiex daqstant kuntenti bl-aħħar żviluppi.
//= $special ?>