Il-Kamra tal-Avukati għandha rwol importanti ħafna fis-soċjetà, mhux biss għall-membri tal-professjoni, iżda wkoll bħala forza li tħares l-aħjar interess tal-Ġustizzja. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa fid-Dar Ċentrali ma’ delegazzjoni tal-Kamra tal-Avukati.
Simon Busuttil qal li bħalissa l-Oppożizzjoni qed tara affarijiet li m’humiex sew fil-qasam tal-Ġustizzja u li jeħtieġu attenzjoni. Fost dawn, hemm l-implimentazzjoni tas-sistema tal-Ġustizzja, bħal ħatriet tal-Ġudikatura. Barra minhekk, qed isiru wkoll abbużi ta’ ċertu Dipartimenti tal-Gvern, ċerti ħatriet f’postijiet pubbliċi u użu mhux ġustifikat ta’ fondi pubbliċi. Simon Busuttil qal li meta jkunu qed jiġru dawn l-affarijiet, xi ħadd qed jitlef jew qed iħallas għalihom.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler qal li l-Kamra tirrappreżenta l-interessi tal-Avukati kollha u mhux dawk biss li jaħdmu fil-Qorti. Qal li bħalissa qed ikomplu d-diskussjonijiet mal-Gvern, li kienu bdew mal-Gvern Nazzjonalista, dwar il-ħtieġa ta’ Liġi dwar l-Avukati.
George Hyzler qal li l-Kamra tal-Avukati minn dejjem kienet attiva fis-soċjetà, iżda għal numru ta’ raġunijiet, f’dawn l-aħħar snin ma tantx semmgħet leħinha.
Preżenti għal-laqgha kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Charlene Camilleri Zarb u ċ-Chairperson tal-Policy Fora tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Ġustizzja, l-Avukat Joe Giglio.
//= $special ?>
